Ritratti li wera l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia jixhdu kif il-Gvern se juża inqas minn terz tal-art li ppropona oriġinarjament għall-akbar investiment fl-immaniġjar tal-iskart. Fil-fatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ tnejn u tmenin elf metru kwadru ta’ art, u mhux mitejn u sebgħa u disgħin elf metru kwadru.
Din ir-reviżjoni fl-użu tal-art saret wara li dan il-Gvern sema t-tħassib tal-familji li jgħixu jew li għandhom art agrikola f’dawk l-inħawi.
https://www.facebook.com/farrugiaaaron/posts/10157127993943963
Propju din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar l-akbar investiment fl-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna, investiment li permezz tiegħu pajjiżna se juża l-iskart bħala riżorsa u fost l-oħrajn jiġġenera l-enerġija mill-iskart.
Dan l-investiment se jinkludi il-bini ta’ impjant li jiġġenera l-enerġija mill-iskart, impjant ġdid għat-trattament ta’ oġġetti li jistgħu jiġu riċiklati, impjant għat-trattament ta’ skart organiku għall-produzzjoni ta’ kompost għall-agirkoltura, kif ukoll impjant ieħor li se jkun qed jieħu post l-inċineratur għal skart kliniku u skart mill-biċċerija.
L-impjanti msemmija se jkunu qed jinbnew fiż-żona tal-Magħtab biex l-operat tal-Wasteserv se jiġi ċentralizzat.
Dan ifisser li impjanti u miżbliet oħra se jiddawwru fi spazji miftuħa għall-familji.