Il-maġġoranza taż-żgħażagħ Maltin huma kuntenti bl-edukazzjoni, ix-xogħol u l-istil ta’ ħajja li jgħixu.
Dan jirriżulta minn stħarriġ li għamlet l-Aġenzija Żgħażagħ flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ u l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Din ir-riċerka ġiet ippreżentata lis-Segretarju Parlamentati għaż-Żgħazagħ, Clifton Grima, fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ.
F’Malta hawn 98,000 persuna għandhom età bejn is-16 u t-30 sena.
78 % tal-parteċipanti wrew sodisfazzjon dwar l-opportunitajiet edukattivi li għandhom.
65% qalu li huma sodisfatti bl-opportunitajiet ta’ xogħol disponibbli għalihom.
Filwaqt li l-maġġoranza wieġbu li l-edukazzjoni qed tippreparahom sew għat-trasizzjoni bejn il-bank tal-iskola u l-post tax-xogħol.
74% wieġbu li huma sodisfatti jew sodisfatti ħafna filwaqt li 3%biss wieġbu fin-negattiv.
Kważi 93 % qalu li jaraw li hija importanti jew importanti ħafna li ż-żgħażagħ ikunu attivi fil-komunità.
Għalkemm, 22% biss tal-parteċipanti wieġbu li jagħmlu xogħol volontarju ma xi organizazzjoni.
One News tkellem ma’ Chiara Vassallo, żgħażugħa li kienet parti mill-proġetti.
“L-aktar punt importanti li ħareġ huwa li nifmu li ż-żmien taż-żgħożija huwa żmien tranżitorju, allura l-mod kif għandna naffaċċjaw dawn id-diffikultajiet huwa mod differenti, aktar minn meta nkunu qed naffaċċjaw diffikultajiet ta’ xi gruppi oħrajn”.
Waqt il-preżentazzjoni tar-riċerka li saret it-Tnejn filgħodu fil-bini tal-Aġenzija Żgħażagħ f’Santa Venera, Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima temm jgħid li pajjiżna għandu jneħħi d-distinzjoni bejn edukazzjoni formali u informali u minflok tinħoloq distinzjoni bejn edukazzjoni tajba u ħażina.
Dan sabiex tiżdied l-importanza lejn l-iżvilupp tal-bniedem u li l-edukazzjoni ssir aktar relevanti, ekwa u inklussiva għaż-żgħażagħ kollha.