Maskarat tini perlina,
Għax warajk għandek xadina,
Minflok waħda tini tnejn,
Għax inniżlek għarkubtejk.
Taqbila li qed nisimgħu f’dawn iż-żminijiet li se jibda r-renju tal-bluha.
Il-Karnival mhux biss fil-kapitali iżda fl-irħula għadek issib dak magħruf bħala l-Karnival spotanju.
F’Ħal Għaxaq, il-Karnival imur lura għal 130 sena.
Dan il-karnival huwa partikolari fejn il-maskarati jduru mat-toroq u xi qatgħa jew dehxa f’ġismek ma tonqos.
Ftit jiem ‘il bogħod minn dan il-Karnival iltqajna ma’ Twanny Agius, storiku Għaxqi li spjega kif lura fiż-żmien kienu jintasbu fil-pjazza jaqlu l-mazzit u jixorbu l-inbid mad-daqq tal-kitarra. Hu spjega ma’ crew ta’ ONE News: “Matul iż-żmien inħolqu maskarati hawnhekk konna ngħidulhom tal-Bużżu, tax-Xelin niftakar jien, tixtri maskla tista’ tkun ta’ qamar, ta’ mewt, tal-kelb, ta’ tfajla u xi waħda oħra li ma nistax niftakar bħalissa. Dawn kienu jinbiegħu xi xelin u kienu jilbsu faċċata tal-wiċċ biss, imma r-raħal kollu kien mimli bihom.”
Qalilna wkoll kif dawk li jilbsu f’Ħal Għaxaq joħolqu kostum ikkulurit mix-xejn. Twanny kompla jispjega: “Issa qed isir karnival hekk imsejjaħ spontanju li niggarantilek jien li waqt li qed nitkellmu bħalissa xi mkien hawn viċin jista’ jkun go garaxx, ġo xi dar jew ġo maħżen xi mkien hemm xi grupp ta’ nies, irġiel, tfal, ġuvintur jew individwi illi dawn qed jippreparaw xi ħaġa għal dawn il-jiem ta’ bluha li niċċelebraw ġor-raħal tagħna.”
Bla dubju l-Karnival f’Ħal Għaxaq għadu bħal ma kien meta twieled u għalhekk, nhar il-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta min jerħilha lejn dan ir-raħal antik jista’ jsib ma’ wiċċu xi maskarat bħal ta’ dari.