Il-ħidma tal-Gvern fl-aħħar seba’ snin wasslet biex il-pazjenti Maltin jibbenefikaw minn traħħis fil-prezz ta’ 264 mediċina. It-traħħis fil-prezzijiet tal-mediċini kien fil-medja ta’ 70%.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli għamlet fl-Awtorità Maltija tal-Mediċini f’San Ġwann fejn iltaqgħet mal-ħaddiema kollha.
Ċifri li kiseb ONE News juru li fl-aħħar seba’ snin id-Direttorat tal-Liċenzjar tal-Awtorità awtorizza mal-4,400 mediċina f’pajjiżna sabiex il-pazjenti Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għażla aktar wiesgħa ta’ mediċini.
Dan filwaqt li fl-istess perjodu ddaħħlu 190 mediċini ġenerika ta’ kwalità konformi mar-regolamenti Ewropej u li huma 80% irħas minn mediċini alternattivi li kienu diġà jinsabu fis-suq Malti.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet l-Awtorità qed tikontribwixxi ħafna fl-ekonomija Maltija minn ħidma li qed tagħmel barra minn xtutna. Hija sostna: “Din is-sena l-mira hija li jkun hemm introjtu lejn pajjiżna ta’ aktar minn nofs miljun ewro fuq spezzjonijiet li l-Awtorità ser tkun qed tagħmel ma’ pajjiżi oħra barra mill-Unjoni Ewropea u toħroġ iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex dawn il-laboratorji u dawn il-fabbriki jkunu jistgħu jipproduċu l-mediċini.”
Ic-Chairperson tal-Awtorità, il-Professur Anthony Serracino Inglott qal li dawn ir-riżultati pożittivi huma frott it-titjib fl-edukazzjoni li qed joffri pajjiżna fis-settur mediċinali. Huwa sostna: “L-aqwa li kien hawn huwa l-avvanz li sar f’dak li nsejħula l-intelliġenza. L-aqwa ħaġa li għandna fil-pajjiż. Li nibnu l-intelliġenza tan-nies tagħna. Dak kien l-ewwel pass fejn in-nies tagħna huma ta’ kalibru kbir li jitqabbel ma’ kull awtorità oħra fl-Ewropa.”
Fil-fatt matul iż-żjara tal-Ministru Julia Farrugia Portelli ntqal kif is-sena l-oħra twaqqfet Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni li fiha jiġu diskussi opportunitajiet fl-oqsma dinamiċi tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ korsijiet u seminars.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista stqarr: “L-akkademja hija qasam ta’ tagħlim lil speċjalisti fuq ix-xjenza regolatorja jiġifieri xi ħaġa hija lill-hinn minn dak li nagħmlu s-soltu fejn it-tmexxija tal-istess Awtorità tara li hemm biżejjed nies professjonisti li qed jieħdu t-taħriġ ħalli din l-industrija farmaċewtika tibqa’ miexja ‘l quddiem.”