Bil-qanpiena f’idu jġenġel kull m’hemm Santa Klaws mistenni jagħmilha f’Birżebbuġa.
Fil-fatt fir-raba’ edizzjoni tal-attività ‘Il-Milied f’Birżebbuġa’ mistenni jinkiser rekord ieħor.
Dan hekk kif se jkun hemm l-akbar slitta mdawla ta’ Santa Klaws.
L-istruttura mekkanizzata, li hija twila kważi ħdax-metru u għolja tliet metri, se tkun l-attrazzjoni ewlenija għal din is-sena li se żżejjen iz-zuntier quddiem il-Knisja ta’ Birżebbuġa għal xahar sħiħ.
ONE News mar sal-pjazza ewlenija ta’ Birżebbuġa u ra b’għajnejh il-preparamenti li qed isiru biex mat-tokki tad-disa’ tas-Sibt filgħaxija dawk kollha preżenti jaraw l-karretta mikxufa ta’ Santa Klaws tinxtagħal.
Tkellimna ma’ Jason Vella, wieħed mill-voluntiera tal-grupp tal-armar tal-parroċċa, li ħadmu fuq din il-karretta li ħafna jaraw barra tiżerżaq fuq is-silġ.
“Din is-sena morna xi ħaġa naqra ‘l bogħod mill-Christmas trees li konna nagħmlu s-soltu, għalkemm daħħalna xi ħaġa relatata ma’ tas-soltu, però ħsibna li nagħmlu slitta kbira tal-Milied. Tajjeb ngħid li din jistgħu anke jitilgħu n-nies fuqha biex dak li jkun jieħu ritratt biex jibqa’ rekordju tagħha”, spjega Vella.
Il-preparamenti fuq l-islitta ilhom għaddejjin mill-aħħar ta’ Settembru fil-maħżen tal-armar. Is-Sur Vella qalilna li l-ewwel bdew bil-kunċett tad-disinn u l-qisien biex tkun propozjonata għad-daqs tal-pjazza.
Huwa kompla jispjega: “Tajjeb ngħidu li l-pjazza ta’ Birżebbuġa tant hija kbira li tagħmel x’tagħmel fiha, kollox umbgħad jidher żgħir. Allura ridna nadattaw kollox, anke fejn tintrema. Għax din armajniha ġol-maħżen, biċċa biċċa. Hija maħduma, bħala struttura tal-ħadid ovvjament miksija bl-injam u mbgħad għandha bozoz LEDs mdaħħlin ġol-injam waħda fejn waħda.”
Dan ir-rekord tal-akbar slitta se jkun inawgurat waqt programm ta’ attivitajiet li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa, li se jkollu l-parteċipazzjoni ta’ diversi għaqdiet tal-lokal.
Chris Bonnici, voluntier ieħor li qed jaħdem b’ruħu u b’ġismu għal din l-attività, qal li fuq iz-zuntier se jkun hemm anki biex tieħu ħsieb żaqqek permezz ta’ stands tal-ikel tradizzjonali tal-Milied.
Bonnici stqarr: “Apparti dan l-istands u l-villaġġ tal-Milied, imbgħad ġewwa l-knisja ħa jkollna wkoll wirja tal-prespeju u bambini, jkollha lil santa klaws biex jieħdu ritratt miegħu t-tfal. Bażikament bħal ta’ kull sena saret attività annwali, l-ewwel weekend ta’ Diċembru Birżebbuġa dejjem nippruvaw intellgħu din l-attività kbira tal-Milied biex ngħaqdu lill-familji flimkien.
Fuq kollox din hija attività li ħadd m’għandu jitlef biex tassew tidħol fl-ispirtu festiv tal-Milied.