Skont Karol Aquilina l-Partit Nazzjonalista jonora l-obbligi kollha tiegħu.
Hu qal dan meta kien qed jiġi mistoqsi dwar kif il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ ma jħallasx l-obbligi tiegħu lill-Awtorità tax-Xandir.
Mistoqsi x’jaħseb dwar dan bħala kelliem għall-ġustizzja li tant jitkellem fuq governanza tajba, Karol Aquilina għażel li jigdeb f’wiċċ kulħadd.
“Il-PN iħallas dejjem dak li huwa dovut, aħna nsegwu l-liġi b’mod serju u mhux se naħarbu mill-obbliġi tagħna.”
Kienet il-gazzetta Illum li ftit tal-ġimgħat ilu żvelat kif l-Awtorità tax-Xandir kellha ttella’ l-Partit Nazzjonalista l-Qorti għax għażel li ma jħallasx dak dovut minnu għal bosta snin.
U ONE News huwa nfurmat li l-kawża mistennija tibda tinstema’ fil-ġimgħat li ġejjin.
Iżda, quddiem dan kollu u nuqqasijiet kbar oħra f’obbligazzjonijiet lejn l-istat, Karol Aquilina, jemmen li l-Partit Nazzjonalista qed jonora l-obbligi tieħu.
Bħalu jidher li jemmen ħuh Robert Aquilina, li wkoll imexxi organizazzjoni li suppost titkellem fuq is-saltna tad-dritt, iżda li dwar dan it-tip ta’ aġir qatt ma lisnet kelma.
Anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dejjem għamel sforz biex jaħrab milli jwieġeb dwar is-suġġett.
U minflok jattakka lill-Awtorità tax-Xandir kontinwament biex jintimidaha.
Bħalma qed jaħrab kull meta nistaqsuh dwar kif il-Partit Nazzjonalista ilu sentejn jaħbi l-kontijiet tiegħu u ma jressaqhomx lill-Kummissjoni Elettorali bi ksur tal-liġi għall-finanzjament tal-partiti.