“Umli u dejjem ta’ għajnuna għall-ħaddiem.”
Kienu dawn il-kliem li użaw bosta persuni biex iddeskrivew l-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici.
Dan waqt li l-Ħadd filgħodu, propju fl-ewwel jum ta’ luttu, dan l-istazzjon reħielha lejn il-Ħamrun, fejn twieled u għex Mifsud Bonnici.
Il-Ħadd filgħodu tkellimna ma’ bosta li jiftakru lil Karmenu Mifsud Bonnici, il-politiku u l-persuna.
Kulħadd bl-istess sentiment.
“Raġel umli ħafna.”
“Bniedem sinċier, li kien jaħdem ħafna għall-ħaddiem u min ma kienx jista’ kien joħroġ il-flus mill-but biex jgħinu.”
“Ħabbejtu ħafna.”
“Ta’ prinċipju u kien iħobb lill-ħaddiem.”
“Nafhom familja sew, u Karmenu s-surmast tagħhom.”
“Karmenu kien raġel sew ħafna, Avukat, bniedem tal-affari tiegħu.”
“Kien raġel sewwa, kien raġel li jħobb lill-ħaddiem”
“Konna għadna membri fl-għaqda Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u dejjem miegħu kont. Kellna bniedem ma rridx nesaġera, qaddis, imma vera kellna bniedem umli u dħuli.”
“Tant baqa’ umli li lanqas ried funerali statali.”
“Jgħin lil kulħadd, jgħin liż-żgħir, jimxi man-nies.”
Uħud qasmu wkoll l-esperjenzi personali tagħhom dwar Karmenu Mifsud Bonnici.
“Kien jimlilhom il-karta tal-income tax u ma kienx jiħdilhom flus.”
“Fejn kien ipoġġi bilqegħda? Fuq kaxxa tal-birra.”
“Kien mistieden bħala Prim Ministru u meta poggejt bilqegħda qalli kompli man-nies.”
“Kellna xi ħaġa fuq ix-xogħol, għena ħafna kien.”
“Kien għamel xi żewġ meetings kont mort nismgħu jitħadded, kien jitħadded bis-sugu.”