Aldo Busuttil ħareġ it-tieni kanzunetta oriġinali tiegħu bil-lingwa Maltija, din id-darba tittratta fuq xi jħossu l-maħbubin matul il-mixja lejn l-isbaħ ġurnata taż-żwieġ.
“Kull fejn tkun int, int u inti biss irrid inkun” – frażi li turi l-ġmiel u s-sabiħ tal-passjoni ta’ l-imħabba meta tinbed relazzjoni u din twassal għal festa tat-tieġ li hi l-qofol taċ-ċelebrazzjoni tal-maħbubin biex isiru ta’ xulxin. Il-kanzunetta titratta fuq diversi mumenti u dak li jgħaddu minnhu l-għarajjes fl-isbaħ ġurnata ta’ ħajjithom waqt li jwiegħdu lil xulxin li se jkunu hemm fit-tajjeb u fil-ħażin.
“Kull fejn tkun int” hija innu ta’ l-imħabba li tiddeskrivi l-emozzjonijiet, ħsibijiet u l-ferħ tal-maħbubin filwaqt li ttenni b’mod b’saħħtu u poetiku l-ġurament li jagħtu lil xulxin; iċ-ċerimonja taż-żwieġ.
Ħafna jassoċjaw lil Aldo Busuttil mal-mużika sagra u dik spiritwali li titkanta fil-funzjonijiet tal-knisja; iżda permezz ta’ din il-kanzunetta Aldo qed jerġa’ jagħti prova tal-versatilita’ fl-istilijiet mużikali li jmorru għal kull tip ta’ okkazzjoni.
Dan ix-xogħol mużikali ta’ Mark Scicluna, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u b’arranġament ta’ Cyprian Cassar jiġbor dan kollu u jiċċelebra s-sentiment tal-imħabba; sentiment maġiku fejn ikollok ċans taqsam ħajtek ma’ min tħobb. Il-vidjo mużikali għandu produzzjoni ta’ Aldo nnifsu u b’direzzjoni viżiva ta’ Luke Borg.
Segwi l-vidjo tal-kanzunetta ”Kull fejn tkun int” hawn: