Il-grupp mużikali Kantera nieda l-vidjo mużikali tal-kanzunetta Vjaġġ Sabiħ.
Bi Vjaġġ Sabiħ Kantera ħadu sehem fil-festival Mużika Mużika ta’ din is-sena, fejn il-kanzunetta bil-mużika ta’ Kantera u Micimago u l-kliem ta’ Joe Julian Farrugia ikklassifikat fit-tieni post.
Vjaġġ Sabiħ hija għal qalbna ħafna għaliex fiha suġġett sensittiv immens… dwar min sfortunatament jaqta’ qalbu mill-ħajja, speċjalment meta l-persuna tħoss li ħajjitha spiċċat kawża ta’ xi ċirkostanzi tqal wisq fil-ħajja; sitwazzjonijiet fejn il-bniedem jibda’ jintilef fid-dlam, jinsa s-sabiħ kollu u jaħseb li l-ħajja għalih tilfet kull sens.
Kantera
Dil-kanzunetta hija propju messaġġ għal kull min isib lilu nnifsu f’din is-sitwazzjoni: messaġġ ta’ kuraġġ għal kull min iħossu qed jaqta’ qalbu li jibqa’ jgħix. Lil kull min hu għaddej minn żmien diffiċli u lil dawk li jbatu minn saħħa mentali ngħidulhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u jfittxu l-għajnuna professjonali. Il-ħajja hija vjaġġ li m’għandna qatt naqtgħu qalbna minnu. Għax fost it-tlugħ u nżul kollha, finalment il-ħajja hija Vjaġġ Sabiħ.