Ġurnata qabel tibda l-aktar iskeda impenjattiva għall-istazzjon, il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-kamra tal-aħbarijiet il-ġdida wara d-diskors li għamel il-Ħadd filgħodu fil-Marsa. Dan sar flimkien ma’ numru ta’ investimenti ġodda fl-istudios tal-ONE.
Iċ-Ċhairman tal-ONE, Jason Micallef spjega li permezz ta’ dan l-investiment se jsir tiġdid tal-istazzjon, tant bżonnjuż:
“Il-ħaddiema għandhom ambjent aħjar imma wkoll għandhom affarijiet teknoloġiċi u tekniċi ħafna aħjar u naturalment il-prodott finali huwa dak li nwasslu l-messaġġ politiku tagħna, l-messaġġ viżiv tagħna, ħafna aħjar milli konna nwasluh fil-passat u allura dan jawgura tajjeb ukoll illi bil-mod il-mod fil-ġimgħat li ġejjin, is-sena d-dieħla ser inkunu qed niċċelebraw bil-kbir il-25 sena mit-twaqqif tagħhom, 25 sena ta’ xandir”.
Fl-ewwel attività politika li l-għażla tal-post ma saritx b’kumbinazzjoni iżda bi ħsieb, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista saħaq li ONE se jkollu OB Unit ġdid li jxandar b’sistema 4K.
Spjega li dan il-vann li jxandar minn kullimkien barra l-istudjos, se jkun bl-aqwa teknoloġija avvanzata u se jservi ta’ għodda biex il-Partit Laburista jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu:
“B’dan l-OB Unit se nagħtu rigal lill-ONE u dawk kollha li għandhom qalbhom tħabbat għal dan l-istazzjon fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju importanti”.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha, li b’tant sagrifiċċji dejjem kienu ta’ servizz għat-telespettaturi u semmiegħa. Qal ukoll li l-istazzjon irrefletta fuq dak li kiseb fil-passat iżda issa qed iħares ‘il quddiem biex jagħmel aktar u aħjar.
Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel appell għad-donazzjonijiet sabiex ikompli jiżdid l-investiment fil-ONE: “Imma filwaqt li aħna nitolbukom biex illum u fiż-żmien li ġej tgħinuna biex inkomplu nsaħħu l-ONE, il-post minn tant bdejna tant u tant minna”.