Turist tilef ħajtu wara li vulkan fuq il-gżira Taljana ta’ Stromboli żbroffa fl-aħħar sigħat. Fuq il-post kien hemm ukoll bosta turisti li minnufih ħarbu għal post sigur biex isalvaw. Jidher li l-vittma, li huwa Sqalli ta’ 35 sena u li kien dilettant tal-mixi fit-tul f’postijiet ta’ dan it-tip, miet b’daqqa ta’ ġebla li waqgħet fuqu kawża tal-iżbroff.
Fl-aħħar sigħat mas-70 persuna ġew evakwati mill-Forzi Navali Taljani, bl-operazzjoni tibqa’ għaddeja sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Il-vulkan li żbroffa fuq din il-gżira huwa fost l-aktar attivi fid-dinja, tant li attività kontinwa kienet ilha tiġi nnutata sa mill-1932.
Jidher ukoll li bosta persuni qed jingħataw il-kura għall-ġrieħi li ġarbu iżda ħadd minnhom ma jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Fi tweet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li sa issa għada ma saret l-ebda talba għall-assistenza minn turisti Maltin jew qraba tagħhom.
With reference to the volcanic enclave of the Stromboli Volcano, I have been informed that no requests for assistance were received from relatives or Maltese travelers. Wish well to the injured persons. @MaltaGov @MFAMalta
— Carmelo Abela (@AbelaCarmelo) July 4, 2019