Kampanja fil-midja dwar l-importanza tal-foster care wasslet għal żieda qawwija fl-ammont ta’ tfal li qegħdin jiġu ffosterjati.
Waqt li bejn April u Lulju tas-sena li għaddiet, kienu biss tmint itfal li ġew ifforsterjati, din is-sena telgħu għal 23 it-tfal li sabu familja li tifforserjahom. Dan ifisser li sal-lum, mitejn u ħamsin tifel u tifla qed jitrabbew f’familji ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti saħaq li permezz ta’ din il-kampanja aktar tfal sabu wens u mħabba f’familji ġodda.
“Nies li ġew jistaqsu, isma “F’hiex jikkonsisti l-fostering? x’irrid nagħmel biex insir foster carer?” Is-sena l-oħra kellna 18–il persuna, din is-sena kellna 46. Jekk aħna naraw l-assessments li saru, is-sena l-oħra kellna sebgħa, din is-sena 24. Jiġifieri assessment huwa li jkunu segwew il-kors u imbgħad aħna nirreferuhom lil fostering bord biex japprovahom jew le.”
Is-Sur Grixti spjega li tul il-kampanja saru bosta interventi kemm fuq televiżivjoni u r-radju waqt li xxandru bosta esperjenzi ta’ foster carers u ta’ ħaddiema soċjali li wkoll għenu biex iktar tfal isibu familji li jilqgħuhom.
Dwar il-mużura tal-Gvern li jżid il-benefiċċju għall-foster carers minn €70 għal €100, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni qal li din għenet mhux biss Foster Carers ġodda iżda wkoll lil dawk li kienu ilhom snin irabbu t-tfal b’għożża kbira.
“Kien t’għajnuna kbira għal dawk il-madwar 250 familja li diġà jiffosterjaw, m’hemmx dubju u ma rridux nieħdu l-krittu kollu waħedna. Il-fatt li hemm dak li nsejħulu c-child in care benefit żdied, u dik hija żieda ta’ 40% minn €70 għal €100 fil-ġimgħa, jgħin u jgħin ħafna.”
Il-Fondazzjoni qalet li l-kampanja swiet madwar €13,000 u qed tirrakomanda l-kontinwazzjoni ta’ din il-kampanja fid-dawl tar-riżultati pożittivi li ġabet magħha.