It-Tlieta waranofsinhar saħnu l-irjus fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar wara li Graziella Galea ġiet eliminata mill-elezzjoni każwali għas-siġġu parlamentari li ħalla Simon Busuttil.
Galea li tiġi bint l-eks Ministru Ċensu Galea tilfet it-tellieqa għas-siġġu fit-tieni għadd wara li ġabet l-istess ammont ta’ voti li ġab il-kandidat rebbieħ David Thake. Hawnhekk l-esponenti Nazzjonalisti talbu sabiex jerġa’ jsir l-għadd li matulhu żewġ voti ta’ Thake ġew magħżula bħala dubjużi.
Madankollu wara analiżi b’reqqa mill-Kummissjoni Elettorali u l-kap tal-uffiċċju elettorali Nazzjonalista Boris Scerri dawn iż-żewġ voti ġew kklassifikati bħala validi u r-irżultat baqa’ f’parita. Kien hawn li Galea ġiet eliminata wara li fl-ewwel għadd ġabet mat-300 vot anqas minn Thake.
Din kienet deċiżjoni li ma niżlet xejn sew man-nies ta’ Galea li baqgħu jipprotestaw mal-esponenti Nazzjonalisti u l-Kummissjoni Elettorali li l-voti kellhom jiġu magħduda bħala invalidi u li kellha tkun Galea li tirbaħ din l-elezzjoni każwali. Huma saħansitra marru ħdejn il-Viċi Kap David Agius iżda s-sitwazzjoni baqgħet ma inbidlitx u Graziella Galea ġiet eliminata fit-tieni għadd.