“L-aħħar breakfast show. Overwhelming. Ma stennejtx dan ir-rispons.”
Kienet din ir-reazzjoni tal-preżentatur Joe Tanti, mumenti wara li temm l-aħħar Breakfast Show tiegħu fuq ONE Radio; li mmarkat it-tmiem ta’ impenn bla preċedent ta’ kull filgħodu għal dawn l-aħħar tnax-il sena.
Tnax-il sena ta’ ħidma u suċċessi li matulhom stqarr kif lil hinn mill-politika, ma’ kull programm tgħallem iżjed kemm ir-radju huwa importanti u effettiv għan-nies.
Tkellem dwar storja partikolari meta ziju ta’ tifla ta’ sitt snin li kienet marida serjament kien mar fuqu u talbu biex isemmiha waqt il-programm bil-għan li jnissel tbissima fuq wiċċ iċ-ċkejkna qabel tidħol għal operazzjoni serja ħafna.
Tanti qal li “Ġie hawn xi tlett ijiem wara għidtlu dik id-dedika kif marret u qalli t-tifla mietet. Ixxukkjajt ruħi totalment qalli żomm it-tifla kienet marida konna nafu u mietet waqt l-operazzjoni qalli imma l-isbaħ ħaġa hi li dit-tifla bl-uġigħ kollu li kellha u l-marda li kellha kif semgħetna nsemmuha tbissmet u dik kienet l-aħħar ħaġa li għamlet qabel tawha l-loppju u daħlet għall-operazzjoni li matulha mietet allura l-ġenituri tagħha l-aħħar ritratt tagħha hu tagħha titbissem.”
Il-preżentatur maħbub minn bosta ħadna lura tnax-il sena.
Qal li għas-semmiegħa leali ta’ ONE – dak iż-żmien Super ONE, l-introduzzjoni tiegħu fuq ir-radju kienet xokkanti hekk kif in-nies raw bidla radikali fl-istil li juża hu.
Fil-programm li mmarka t-tmiem tal-karriera tiegħu fuq ir-radju, flimkien mal-preżentatur li se jieħu postu, Noel Camilleri, qal li jinsab sodisfatt bl-għażla tal-Kap ta’ ONE Radio Clint Bajada u jemmen li l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista għandu futur sabiħ jistennieh.
Noel Camilleri, konxju miż-żarbun kbir li għandu x’jimla, qal li qed iħares lejn din l-esperjenza b’entużjażmu.
Noel Camilleri qal li “L-issue li tfaċċa Joe Tanti biex ħa over wara l-persuna li kienet qed tippreżenta l-breakfast show qed inħossha jiena llum il-ġurnata għax Joe Tanti huwa persuna assoċjat mal-breakfast show ta’ ONE allura għandu ħafna segwaċi issa jmiss lili. Preparat, lest, kollox lest nisperaw li kollox imur sew.”
Joe Tanti huwa missier ta’ ħamest itfal, u b’emozzjoni stqarr li ma gawda lil ħadd minnhom hekk kif dejjem kien jitlaq mid-dar fl-erbgħa ta’ filgħodu.
L-iżgħar wild tal-preżentatur huwa ċ-ċkejken Andrew, li għandu sena u nofs.
U lil Andrew, Joe Tanti ħalef li jgawdieh.
Joe Tanti qal li “Irrid inkun hemm biex ngħidlu bonġu. Irrid nieħu breakfast mal-familja – xi ħaġa li ili ma nagħmel tnax-il sena u I’m looking forward għal dik il-ħajja.”