Vittma ta’ att vandalu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ħa l-liġi b’idejh u pprova jweġġa’ lil dak li skontu prova jivvandalizzalu daru.
Paul Mallia ta’ sitta u tletin sena minn Ħal Qormi wieġeb mhux ħati wara li nqabad fuq filmat jidħol bil-vann tiegħu fuq il-karozza ta’ Sage Guaci wara li l-istess Mallia raħ isuq fit-triq.
Mallia kkonkluda li Gauci kien il-moħħ wara l-każ tat-Tnejn li għadda fejn il-bieb ta’ daru ħa n-nar fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
Gauci ta’ tmintax-il sena mill-Belt bħalissa jinsab bil-libertà proviżorja wara nqabad fil-pusses ta’ għaxar kilogrammi kannabis.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur James Grech spjegat kif din kienet attitudni kundannabli u oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest.
Madankollu l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera aċċettat it-talba wara l-ħlas ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ elfejn ewro.
Il-Maġistrat ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal Gauci.