Waqt iċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif dan il-proġett twieled mill-ħolma ta’ Dun Anton Refalo Rapa. Wara ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja ssoktat it-tlestija tal-proġett b’faċilità state of the art li ser tipprovdi servizzi għall-anzjani fil-komunità.
Permezz ta’ dan il-ftehim għalhekk filwaqt li l-Knisja u l-komunità ta’ Ġesù Nazzarenu provdew il-post, il-Gvern issa permezz tal-Ministeru għal Għawdex ser jieħu ħsieb l-amministrazzjoni u l-għoti tas-servizz. Is-servizz mogħti mill-Gvern ser jikkonsisti fi struttura amministrattiva li tieħu ħsieb l-applikazzjonijiet għas-servizz u l-ipproċessar tagħhom biex imbagħad l-għoti tas-servizz isir minn staff kwalitifkat.
Il-proġett ġie msejjaħ monument ta’ mħabba għaliex gab flimkien il-komunità tan-Nazzarenu tax-Xagħra b’għadd ta’ voluntiera li ħadmu id f’id mal-ħaddiema u kuntratturi mqabbda mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana rringrazzjat lill-Mons Isqof Mario Grech u lil Dun Anton Refalo Refalo tal-kollaborazzjoni sabiħa li rrenjat matul dan il-proġett kollu u filwaqt li awgurat u rringrazzjat lil kull minn kien parti minnu, ħeġġet sabiex ikun hemm iktar proġetti simili għal-ġid tat-tisħiħ tal-komunità f’Għawdex.