Dan huwa Paul Stafrace, li għal dawn l-aħħar ħames snin kellu ħolma biex jimxi vjaġġ twil ta’ mitejn u sebgħin kilometru. Ħolma li dejjem taret mar-riħ għaliex kull sena ppreżentat ostaklu ġdid fosthom dak ta’ din is-sena: il-Coronavirus.
Minkejja dan, Paul Stafrace ma ħalliex il-pandemija żżommu lura.
Paul kien fi kwarantina, u tela’ fuq il-bejt jagħmel passejn. Passejn evolvew għal 6,200 dawra, ekwivalenti għall-vjaġġ magħruf bħala Camino de Santiago.
Minflok f’għaxart ijiem bħalma kien mistenni, il-vjaġġ għamlu fi tmint ijiem. Xemx u xita, Paul baqa’ miexi.
Paul spjega: “It-temp anzi kien favur tiegħi għax kien daqsxejn imsaħħab u daqsxejn żiffa allura tieħu pjaċir imma kelli ġranet fix-xemx ikkargata u darba minnhom kelli xita għamlet dawk it-ten minutes, ilbist ir-raincoat u xorta bqajt nimxi għax kieku qiegħed Spanja u tagħmillek ix-xita xorta trid tibqa’ timxi.”
Kien jibda minn kmieni filgħodu u jibqa’ għaddej sa tard waranofsinhar. Tul dawn is-sigħat, kien ikollu diversi ħsibijiet.
Paul sostna: “Jiġuk ħafna ħsibijiet, niftakar meta kont l-iskola, kont daqsxejn imqareb, kont kwiet, dħakt, bkejt u l-iktar waħda waqt li qed nimxi ġietni viżjoni tal-mara tiegħi Alla jaħfrilha Joyce kienet mietet b’car accident. Hemmhekk waqt il-mixja I was in tears.
Paul mhux se jaqta’ qalbu u s-sena d-dieħla se jerġa’ jipprova.
Huwa qal: “Jekk il-Bambin iżommni ħaj u nkun għadni b’saħħti nerġa’ mmur għax is-sena d-dieħla hemm sena speċjali.”
Paul qalilna li din l-avventura tfakkru fi ħmar tas-sienja iżda b’differenza, mat-tokki ta’ nofsinhar, Paul kien jistrieħ ftit u jlegleg xi tazza inbid.