Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA laqgħu l-proposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-Gżira Għawdxija tkun il-Belt Kapitali Ewropea fl-2031.
Il-proposta tħabbret mill-Prim Ministru Joseph Muscat l-Ħadd li għadda waqt attività politika fil-Fgura. Dr Muscat saħaq li Għawdex għandu jieħu dan it-titlu ferm prestiġjuż wara s-suċċess kbir tal-Valletta 2018.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ f’Għawdex, Joseph Borg, saħaq ma’ One News li Għawdex diġà għandu l-karateristiċi ewlenin għal dan it-titlu.
“Diġà hija ġawrha tal-kultura, Għawdex bħala ġzira hija kulturali, gżira b’żewġ teatri kbar, gżira fejn l-attivitajiet kulturali ma jieqfu qatt, gżira sinjura fil-kultura. jiena nemmen li għawdex jista’ jkun ‘defenitely’ gżira, belt, tal-kultura Ewropea.”
Is-Sur Borġ żied jgħid li l-proġett tal-mina bejn Għawdex u Malta żgur se jkun ta’ għajnuna għal Għawdex bħala Belt Kapitali Ewropea.
“Sa dak iż-żmien nittamaw li jkollna it-tunnel, għax aħna qed nitkellmu xi tlettax, erbatax -il sena oħra u dak ikun diġà xi ħaġa li tiffaċilita l-aċċess ta’ ħafna nies mill-Ewropa ġewwa Għawdex”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, is-Sur Joe Muscat, tenna ma’ One News li b’avveniment bħal dan, Għawdex żgur ser jara żieda sostanzjali fit-turiżmu.
“Huwa wkoll ta’ sodisfazzjon għalina bħala għawdxin u b’mod speċjali fejn jidħol is-settur turistiku illi għawdex żgur bħal snin oħra se jkun armat sa snienu b’mod kulturali biex ovvjament ikun espożizzjoni ta’ dak kollu li kulturalment qed isir f’għawdex, kemm għall għawdxin stess kif ukoll għall-eluf u miljuni ta’ viżitaturi li għawdex qed jattira bħalissa u ovjament 15-il sena oħra il-Bambin biss jaf kemm ħa jilqa’ nies għal din l-opportunità unika”
Il-Prim Ministru saħaq li b’dan il-proġett jist’a jkun hemm proġetti interessanti u għalhekk il-ħtieġa ta’ pjan minn sena għal oħra, biex Għawdex ma jkunx biss dar għall-mistrieħ iżda wkoll kalamita kulturali.