“Xi ħaġa li konna qed nistennewha ħafna”. Dan hu s-sentiment espress fost in-nassaba wara li tħabbar il-ftuħ tal-istaġun għar-riċerka fuq seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Dan l-istazzjon ħa r-reazzjoni ta’ Andrew Psaila, Viċi President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, u nassab innifsu, li qasam magħna s-sentiment pożittiv f’dan ir-rigward.
Qal, “Ifhimni hi xi ħaġa sabiħa anke li bħala tradizzjoni li mhux kemm qed nagħmlu riċerka, imma qed nipprattikaw tradizzjoni li Malta ilha għal ħafna żmien f’forma ta’ riċerka, forma ta’ studju. Għalina hi xi ħaġa li konna qed nistennewha wkoll.”
Tkellimna wkoll mal-President tal-FKNK, Lucas Micallef, li spjega kif il-federazzjoni ħadet il-pariri legali meħtieġa li wasslu biex setgħet tkompli tapplika għad-deroga.
Qal, “U proprju ftit tal-ġimgħat ilu l-FKNK ressqet lill-Kumitat ORNIS proposta biex titkompla din ir-riċerka b’rispett lejn id-deċiżjoni tas-sentenza tal-Qrati tal-Ġustizzja Ewropea. Kif nafu l-Gvern dejjem wera d-determinazzjoni u rieda li titkompla din il-prattika soċjo-kulturali tal-insib fil-gżejjer tagħna.”
Filwaqt li fakkar kif dan jikkumplimenta l-istaġun tal-malvizz u l-pluviera, sostna li n-nassaba kienu qed jistennew b’ħerqa din l-aħbar minħabba l-popolarità li jgawdi minnha l-insib tal-għasafar tal-għana.
Minbarra hekk, Micallef tkellem dwar l-importanza tar-riċerka f’dan kollu.
Qal, “Qed naraw l-element ta’ riċerka, l-element xjentifiku li ġie inkorporat ukoll fl-element soċjo-kulturali tal-insib għall-prattika nnifisha biex mhux biss dak li jkun ikompli jqatta’ daqsxejn ħin għall-kwiet fuq il-mansab tiegħu, imma minbarra hekk nitgħallmu aktar dwar il-migrazzjoni tal-għasafar għal diversi sfidi li nsibu fil-kontinent Ewropew meta nitkellmu fuq tibdil fil-klima, inkunu nistgħu nifhmu aktar dwar il-fenomenu ta’ dawn l-għasafar.”