Fl-aħħar jiem, il-kunvent tal-Patrijiet Agostinjani fil-Belt Valletta fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku. Dawk li żaru din l-wirja bi storja rikka warajha setgħu jgawdu numru ta’ partijiet mill-kunvent u l-knisja tal-Agostinjani bl-akbar attrazzjoni kienet dik tax-xelter tal-gwerra, liema xelter kien ta’ użu kbir lura fis-snin erbgħin, fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.
Crew ta’ ONE News żar dan l-ftuħ fejn seta’ jsegwi u jisma’ l-istorja wara kull biċċa xogħol.
Però qabel xejn, tkellimna ma’ Fr. Leslie Gatt, Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani. Miegħu tkellimna aktar fid-dettall dwar ir-raġuni ta’ dan l-ftuħ għall-pubbliku fejn hu spjegalna li din kienet biss prova u hu mistenni li l-kunvent jibda jinfetaħ aktar spiss għall-pubbliku hekk kif bħalissa għaddej xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-binja.
“Dawn l-aħħar għaxar snin prattikament għandna proġett li għilu għaddej. Isir ħafna xogħol, sar ħafna xogħol ta’ restawr hawnhekk, fil-kunvent tal-Agostinjani fil-Belt. Fost l-oħrajn, waraja hawn il-fdalijiet li nstabu taħt il-ġnien tal-kunvent tal-ewwel knisja, tal-ewwel preżenza allura hawnhekk fil Belt. Hi l-knisja tal-1570s, is-seklu sittax, imbagħad, ovvjament hemm diversi żviluppi matul is-snin. Hemm anki x-xelter tat-tieni gwerra. Hemm anke l-kunvent l-ġdid b’diversi anki opri tal-arti u l-knisja… qed ngħid ġdid relattivament mal-post fejn ninsabu għax huwa kunvent u knisja tas-Seklu 18. L-idea hija li wara x-xogħol kollu, l-post jkun miftuħ aktar u aċċessibbli għall-pubbliku.”
Il-Provinċjal ta’ Patrijiet Agostinjani, Fr Leslie Gatt
Fix-xelter stajna naraw numru ta’ graffitti li kienu tpenġew mal-ħitan minn persuni li kienu jinżlu fix-xelter fi żmien il-gwerra. Waħda li tispikka kienet ‘Christmas with bomb’ li tissimbolizza dak li kienu għaddejja minnu n-nies ta’ dawk iż-żminijiet, jiċċelebraw il-Milied, filwaqt li kienu jinżlu l-bombi fuqhom.
Xi ħaġa oħra fil-kunvent, propju fil-librerija tinsab wirja ta’ oġġetti li kienu ta’ Rużar Briffa, poeta Malti, uħud minnhom anke jiġu studjati min-numru ta’ studenti. Fost oġġetti ta’ Briffa li huma eżebiti hemm it-typewriter tiegħu.
Wieħed mill-affarijiet l-oħra li spikkaw kienu numru ta’ pitturi ta’ mużiċisti u patrijiet Agostinjani. Waħda mill-aktar pitturi li hi ta’ valur hi dik ta’ Gaetano Pace Forno, patri li kien waqqaf l-ewwel skola tal-knisja b’xejn, dik tal-Kulleġġ Santu Wistin.
Komplejna nitkellmu ma’ Fr. Leslie, fejn din id-darba trattajna r-restawr, fejn huwa spjegalna li dan hu proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u spjega ukoll kif jinkludi preċiżjoni kbira.
“Dan huwa proġett li huwa kofinanzjat mil-fondi Ewropej ukoll. Huwa proġett li ilu għaddej … l-ewwel ammont ta’ preparazzjoni għalih, iktar minn sitt snin ta’ xogħol ta’ restawr. Eventwalment, bħalissa qegħdin f’mument fejn ix-xogħol jingħalaq, imma x-xogħol ma jingħalaq qatt għaliex biex iżżomm post bħal dan, hija xi ħaġa li hija kontinwa. Huwa patrimonju li aħna għandna bħala patrijiet Agostinjani u huwa fir-responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsiebu.”
Il-Provinċjal ta’ Patrijiet Agostinjani, Fr Leslie Gatt