Sewwieq ta’ vettura akkumpanjat min numru ta’ passiġġieri wettqu att li wassal biex sidien ta’ stabiliment tal-ikel għamlu stqarrija pubblika u rapport lill-Pulizija.
Permezz ta’ Facebook, is-sidien tal-istabiliment tal-ikel Marilu’s ippubblikaw filmat ta’ persuna li tidher issuq għal fuq l-istabiliment, f’inċident li seħħ ilbieraħ filgħaxija.
Il-ħanut jinsab fi Pjazza San Nikola, għandu valur storiku u kien restawrat biex jirrifletti t-tradzzjonijiet Maltin, għalhekk is-sidien esprimew dispjaċir kbir għall-fatt li ġara dan l-inċident.
Filwaqt li l-każ kellu jitressaq għall-attenzjoni tal-Pulizija, is-sidien irringrazzjaw lill-pubbliku tal-appoġġ u l-apprezzament lejn il-post, li hu magħruf bħala “tas-superjura”, “tas-Sagristan”, u għal xi żmien kienu ukoll ħanut żgħir taż-żraben.
Kull min għandu xi informazzjoni huwa mħeġġeġ jgħaddiha lill-Pulizija.