Wara li fi ftit żmien saru madwar 1,900 wegħda ta’ rigali tal-Milied għal tfal inqas ixxurtjati bħala parti mill-inizjattiva Children’s Dreams, issa bdew jinġabru l-ewwel rigali fiċ-ċentru ta’ Children’s Dreams f’Ħal Farruġ .
L-assistent Direttur tal-Aġenzija Appoġġ, Remenda Borg Grech, saħqet li s’issa diġa inġabru 25% tar-rigali mwiegħda. Dan hekk kif kull minn wiegħed rigal għandu sal-14 ta’ Diċembru biex jgħaddih lill-membri tal-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali fiċ-Ċentru ta’ Children’s Dreams f’Ħal Farruġ.
Remenda Borg Grech saħqet li hija konvinta li kull min wiegħed li jaqta’ xewqa ta’ xi tifel jew tifla dan il-Milied, se jżomm kelmtu ma’ dawn it-tfal:
“Inħeġġuhom biex ma jħallux għall-aħħar ovjament, jiġu jżuruna anke f’Ħal Farruġ fejn hawnhekk inkunu qed nispjegawlhom ftit iktar dwar is-sitwazzjonijiet ta’ dawn it-tfal vulnerabbli, dak kollu li jkunu għaddejjin minnu, u jkunu jistgħu jieħdu l-opportunità wkoll li jaraw kif noperaw il-proċess sħiħ taċ-Children’s Dreams”.
Remenda Borg Grech saħqet li din l-inizjattiva saret waħda popolari minħabba l-fatt li l-għan tagħha huwa li ssebbaħ il-festi ta’ tfal li l-ħajja matul is-sena ma tkunx daħktilhom daqshekk:
“Hija l-opportunità li aħna nagħtu lil tfal vulnerabbli, tfal li għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli, biex dan il-Milied huma wkoll joħolmu u l-ħolma sseħħ realtà. Isseħħ realtà permezz tal-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, li naf żġur li jkunu qed jistennew din l-inizjattiva”.
Kull min għadu jrid jagħti r-rigal imwiegħed, jista’ jagħmel dan fiċ-Ċentru ta’ Children’s Dreams kuljum mis-07.00 sal-16.00.