Filwaqt li kważi d-djar kollha f’Malta jinsabu armati għall-festa tal-Milied, din is-sena għall-familja Theuma minn Ħal Luqa, l-unika spazju fejn jistgħu jarmaw ftit minn dak li fadlilhom mill-presepju, huwa fil-kappella magħrufa bħala tal-Madaonna tal-Ftajjar f’Ħal Luqa.
F’din il-kappella li minnha kienu jqassmu l-ftajjar lill-foqra, sibna lil Joe Theuma u lil martu jarmaw uħud mill-pasturi li rnexxielhom isalvaw min-nirien wara li spiċċa b’ta fuqhom senduqhom. Theuma spjega li “il-pasturi qbadthom u kumbinazzjoni salvaw, għax poġġejthom f’kaxxa fil-karozza u l-karozza ma kinitx fil-garaxx u b’hekk salvaw. Imma l-baqra, il-ħmara u xi ngħaġ, dawk kienu għadhom fuq ir-raff ma niżżilthomx, u x’ħin qabad ir-raff waqgħu għal isfel u jew b’fortuna jew intradmu b’xi ħaġa u ma nħarqux għal kollox”.
Joe ilu ‘l fuq minn 60 sena jaħdem il-presepju u minkejja li n-nar beda proprju mill-presepju, jistqarr li l-imħabba għall-grotta ta’ Gesu Bambin mhux se tnin minħabba dan l-inċident:
“Jiena għalaqt 71 sena. Ilni naħdem il-presepju minn meta kont tifel. Prattikament minn meta kelli tmien snin, għaxra, qatt ma waqaft nagħmel il-presepji”.
Fil-fatt xewqtu għal Milied ieħor hi li jkollu spazju żgħir f’daru fejn ikun jista’ jkompli bil-passjoni tiegħu:
“Nispera li sas-sena d-dieħla fejn inħarqilna jekk ma jkunx lest, forsi l-garaxx ikun lest u hekk u nerġgħu nagħmlu l-presepju żgur”.
Il-Kappillan ta’ Ħal-Luqa, il-Kanonku Michael Zammit l-ħsieb li tittella’ wirja tal-presepji fil-kappella beda f’Ottubru li għadda. Qal li l-inċident li laqat lill-familja Theuma tahom spinta aktar biex itellgħu din il-wira:
“Xahar ilu nqala’ li nqala’ lill-familja Theuma, u allura kienet aktar spinta biex norganizzaw bil-qalb dil-wirja ad unur il-familja Theuma”.
Il-Kappillan spjega li l-poplu Luqi ta’ ħafna sostenn lill-familja Theuma f’dan il-mument diffiċli iżda mumenti li fih sabu spalla mill-Maltin u l-Luqin:
“Waqt kunċert tal-Milied u fl-inawgurazzjoni tal-presepju ġdid tal-knisja grazzi għal ħafna nies, ġbarna s-somma sabiħa ta’ €9,000 lil din il-familja”.