Il-kallijiet, id-dwiefer deħlin fil-laħam, il-moffa fid-dwiefer huma fost l-aktar problemi komuni li jsibu ma’ wiċċhom il-podjatri f’Malta.
Sostna dan il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Podjatristi Ivan Farrugia f’intervista ma’ ONE News waqt li kien qed jinvista waħda mill-pazjenti tiegħu.
“L-iktar problemi li naraw huma dermatoloġiċi bħal kallijiet, hard skin, dwiefer deħlin fil-laħam, moffa fid-dwiefer pero’ hawn problemi oħrajn eż. tal-ġogi, ta’ ċirkulazzjoni ma jonqsux ukoll”.
Huwa żied li bosta pazjenti jispiċċaw ibatu bi problemi f’saqajhom minħabba l-kundizzjoni tad-dijabete:
“Għalhekk importanti ħafna l-aktar dawk li jbatu bid-dijabete jagħmlu appuntament imqar darba fis-sena mal-podjatra biex jiċċekjalhom anke ċ-ċirkulazzjoni u jgħallmuhom kif għandhom jieħdu ħsieb saqajhom”.
Huwa appella lill-ġenituri biex jieħdu lil uliedhom għand podjatra sa minn età ta’ erba’ jew ħames snin biex jaraw li ma jbatux minn xi kundizzjoni. Fl-istess waqt appella wkoll biex iż-żraben ma jintirtux:
“Importanti ħafna li ż-żraben ma jintirtux, issib familji li jkollhom tlett itfal u wieħed jibda jiret tal-ieħor. Le, għax kull persuna kull tifel jew tifla timxi b’mod differenti u allura ż-żarbun ikun ittiekel b’mod differenti”
Sostna li jekk persuna tħoss saqajha kesħin, m’għandha qatt titfagħhom fil-misħun jew tpoġġihom qrib heater iżda ssaħħanhom b’mod naturali fosthom billi jintilbsu żewġ pari kalzetti:
“Importanti ħafna dawn iż-żminijiet ikollna kundizzjoni bħas-seqi, ħafna min-nies biex jieħdu dak l-immediate effect biex isaħħnu saqajhom jagħmluhom jew fil-misħun jew direttament ma’ xi heater u jkunu qed jagħmlu aktar sħana, li jiġri meta jkollok seqi, hemm ċertu arterji jibdew jingħalqu u meta tagħmel kuntrast bejn sħana u kesħa dawn l-arterji jinqasmu u jibda ġej is-seqi, dak il-ħakk, dak l-uġigħ fis-saqajn, importanti nsaħnuhom b’mod naturali”.
Fuq kollox temm b’dan l-appell:
“Vera xi kultant ngħidu l-ikrah żarbun huwa l-aktar żarbun komdu pero ħafna drabi l-kumdita tirrifletti wkoll fil-persuna jiġifieri inutli tilbes żarbun li jkun issikat b’takkuna għolja fl-istess ħin mintix komda u jidher fuq wiċċek dan għax ma tantx ħa tidħak wisq matul il-ġurnata u ma tantx ħa tagħmel affarijiet bih”.