Permezz tax-xogħol u t-talent tiegħu, Edwin Gatt ħareġ bl-idea biex b’arloġġi b’disinn u firma tal-Prim Ministru Joseph Muscat jgħin lil min hu anqas fil-bżonn.
F’Misraħ il-Fidwa, fl-Imqabba, ONE NEWS żar il-post fejn Edwin, iqatta’ il-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħu jaħdem u jiddisinja u jaħdem arloġġi minn materjal irriċiklat.
Ma’ One News Gatt qasam il-mument ħelu li kellu mal-Prim Ministru meta mar biex jippreżentalu l-arloġġ bid-disinn tiegħu. Żied jgħid li Dr Muscat laqgħu b’idu miftuħa f’Kastilja u feraħlu għal din il-biċċa xogħol.
“L-iskop tiegħi huwa dejjem biex ngħin u fl-istess ħin ħarġet din l-idea wkoll illi nagħmel l-arloġġ tal-Prim Ministru u fl-istess ħin kien bis-saħħa tiegħu stess, li għidltu jien stess illi jekk jintgħoġob l-arloġġ nista’ nagħmilhom għall-bejgħ? u hu stess offrili u qalli mhux hekk nagħmlu, qalli li għandek lesti ġibomli u niffirmawhom.”
Gatt qal li f’dak iż-żmien kien għaddej minn mument diffiċli f’ħajtu u kien il-Prim Ministru stess li b’kliem ta’ kuraġġ għollielu l-morall biex jibqa’ għaddej.
Kien wara din il-laqgħa li Gatt iddeċida li l-qligħ ta’ dawn l-arloġġi ffirmati mill-Prim Ministru jmorru kollha għall-Istrina.
“Ħriġt bl-idea li l-flus li jinġabru minnhom dawn l-arloġġi ser intihom propju fuq it-televixin ukoll ħa jarahom kulħadd fl-Istrina, l-għada tal-Milied u naraw jekk il-bambin irid kemm ħa jirnexxilna niġbru flus għal kawża ġusta”.
Bi skop f’moħħu, Gatt ħa miegħu f’Kastilja l-qattusa tiegħu Lucky. Qattusa nieqsa mid-dawl li sabha mwarba f’għalqa fl-Imqabba stess. Emozzjonat Edwin qalilna li din il-qattusa qisha t-tifla li qatt ma jista’ jkollu.
“Jista’ jkun li nqajmu iktar għarfien fuq il-moħqrija tal-annimali. Iiena stess lill-Prim Ministru se nkelmu fuq din il-biċċa xogħol biex forsi nibdew ninfurzaw naqra liġijiet ukoll, għaliex mhux sew jaħqru dawn il-kreaturi”.
U waqt li ttama li tonqos il-moħqrija, saħaq li dawn il-kreaturi ħlief imħabba ma jagħtux!