Tmenin bambin il-ġmiel tagħhom. Mitt grotta maħduma b’dedikazzjoni kbira. U sittin statwa miżbugħa bi preċiżjoni. Dan kollu għal dawn il-festi tal-Milied minn nies b’ħila kbira ġewwa l-qasam tal-MUSEUM fis-Siġġiewi. Dan l-istazzjon żar il-kantina li tinsab taħt il-MUSEUM f’dan ir-raħal fejn sibna jilqana lil Joseph Zammit, soċju tal-MUSEUM.
Lil Joseph jew kif isibuh hemm hekk, Ġużi sibnih jagħmel l-aħħar irtokki fuq dan ix-xogħol artistiku li imbagħad jitqassam bħala rigal lit-tfal li jattendu l-MUSEUM. Joseph spjegalna kif jibda minn kmieni u jgħinuh sħabu s-soċji l-oħra.
“Jien ngħid għalija nibda f’Jannar imma mhux kulħadd jibda f’Jannar għax ix-xogħol irid isir bil-ġibs u dan. Imbagħad jinxef. Imbagħad meta jibda Settembru u hekk nibdew niltaqgħu flimkien, min jagħmel ħaġa u min jagħmel oħra u jitla’ x-xogħol flimkien qed tifhem”.
Joseph spjegalna kif dan ix-xogħol fil-ġibs jirrekjedi paċenzja kbira. Stajna naraw għadd ta’ statwi u bambini li wara kollox huma l-qofol ta’ din il-festa tant għal qalb l-insara.
Joseph għalaq magħna l-intervista billi saħaq dwar is-sodisfazzjon li jieħu meta jara dak li tant ħadem għalih matul is-sena issa jinsab f’idejn xi sabi li wiċċu jixgħel hekk kif jara lis-salvatur.
“Il-Bambin jibqa’ l-qofol fil-presepju imma s-sodisfazzjon huwa li inti qed twassal lil Ġesù Bambin fid-djar, jiġifieri indirettament u atar t-tfal ferħanin meta joħorġu bih speċjalment, tara dak il-wiċċ differenti minn tas-soltu. Allavolja jkun imqareb kultant imma meta jkun bil-Bambin f’idu jinbidel it-tifel qed tifhem u tieħu pjaċir tarah ferħan”.