Fil-Buskett, sibna lil Maria, Epifanio u Steven, tliet persuni neqsin mid-dawl li iżda, sibniehom jaħdmu fuq skulturi tat-tafal.
Maria, Epifanio u Steven huma parti mill-Visual Non-Visual Network, u flimkien jagħmlu diversi proġetti artistiċi biex iqajmu aktar għarfien dwar il-bżonn ta’ aktar inklużjoni fis-Soċjetà.
Iċ-Chairman ta’ din l-għaqda Chris Grima spjega ma’ ONE News kif hu beda kollox fl-elfejn u tlettax, u minn dakinhar ma ħarisx lura.
Grima spjega: “L-iskop huwa li nwasslu għal indipendenza, mhux jiddependu la minn ħaddieħor, la mill-familja u qas mis-soċjeta l-oħra. Anzi jekk Alla jrid naslu biex narawhom leaders f’ċertu setturi.”
Grima qal kif Maria, Epifanio u Steven qed jitgħallmu jaħdmu dawn l-iskulturi flimkien mal-iskultur Charles Sammut. Imbagħad huma wkoll ikunu jistgħu jgħallmu persuni oħra neqsin mid-dawl
Maria Elich u Epifanio Vella qalulna li din l-għaqda qed tgħinhom jgħixu ħajja aħjar.
Marija qaltina: “Nagħmlu dan b’determinazzjoni, dixxiplina u b’imħabba quddiem l-ifisi li ġġib magħha l-għomja u għal kulħadd.”
Vella stqarr: “L-għan tiegħu hu li aħna l-għomja nitgħallmu ħiliet ġodda fl-iskultura.”