Wara l-programm speċjali tal-ġimgħa li għaddiet, fejn rajna x’ġara s’issa fis-sensiela JACKPOT 4, fl-aħħar jum ta’ Jannar, jirritornaw l-episodji l-ġodda għat-tieni staġun ta’ din is-sensiela popolari li tixxandar esklussivament fuq ONE
It-tieni staġun ta’ JACKPOT 4 se jkun jinkludi 9 episodji, b’karattri ġodda b’atturi stabbiliti fosthom Charles Sammut, Vince Micallef Pule’ u Marisa Calleja Zahra. Meta tkellimna ma’ DBA Entertainment, il-produtturi wara din is-sensiela, qalulna li l-istorja ser tkun qed tingħalaq u tintemm wara dawn l-episodji. Dan ifisser li dan ser ikun it-tieni u l-aħħar staġun ta’ JACKPOT 4.
L-ewwel staġun kien intemm bil-ħtif tat-tfal ta’ Alex u Darren. It-tieni staġun ser ikun tellieqa kontra l-ħin biex jakkwistaw lit-tfal lura. Se jirnexxielhom? Alex, kif ser jaffaċja l-problemi kbar li għandu bħala Prim Ministru? Se jsib appoġġ minn nies qrib tiegħu wara l-iżbalji kbar li għamel? X’jiġri jekk in-nies ta’ madwaru jduru kontrih ukoll? Għall-Prim Ministru, x’jiġi l-ewwel? Il-Familja jew il-pajjiż?
Fit-tieni staġun, li jibda l-Erbgħa 31 ta’ Jannar, f’kull episodju se naraw is-sotto-titoli. Din hija xi ħaġa ġdida għat-televiżjoni lokali li nsegwu drama bis-sotto-titoli. B’hekk JACKPOT 4 se tkun l-ewwel drama lokali li se tilħaq udjenzi ġodda b’abiltajiet differenti.
Segwi hawn il-promozzjoni tat-tieni staġun: