Fuq wara tal-iskola primarja ta’ San Ġiljan il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed iwettaq xogħol fuq ċentru għall-ħarsien tat-tfal ġdid.
Dan iċ-ċentru se jilqa’ 60 tifel u tifla u qed isir b’investiment ta’700,000 ewro. Għalkemm se jkun immexxi mill-privat dan hu ċentru ieħor li jaqa’ taħt l-amministazzjoni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Żorna l-post waqt li x-xogħol kien għaddej fl-aqwa tiegħu. Lawrence Bugeja, Assistent Direttur fi ħdan l-Diretoratt għall-edukazzjoni, spjega kif ix-xogħol beda f’Marzu li għadda. Spjega li dan se jkun ċentru tal-ogħla livell.
Hu qalilna:“Aħna kellna bil-fors il-post nadattawħ għal childcare centre, voldieri ridna nagħmlu ftuħ ta’ tlett kmamar partikolari biex ikun hemm post fuq ġewwa kbir biex isir il-logħob mit-tfal u inżommu t-tfal hemmhekk, hemm post fejn issir kċina u nappy changer, imbgħad hemm żewġ postijiet oħra fejn ikun hemm toilets tagħhom. Barra minn hekk hemm post għal uffiċju u waiting area għal parents li jiġu u jiġbruhom lura.”
L-iskema li kien nieda gvern immexxi minn Joseph Muscat ta’ childcare b’xejn għal kulħadd żiedet id-domanda għal dawn it-tip ta’ ċentru.
Minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena ibbenefikaw mill-iskema tac-childcare total ta’ 5,692 tifel u tifla, b’aktar minn 4,000 tifel u tifla jużaw is-servizz kuljum matul is-sena.
F’dawn l-aħħar ħames snin aktar minn 17,500 tifel u tifla u 23,700 ġenitur ibbenefikaw minn din il-miżura.
Filwaqt li fil-bidu kien hemm 69 ċentru bdew jipparteċipaw f’din l-iskema, llum dawn żdiedu għall-137 Ċentru.
14 minn dawn huma pubbliċi u mmexxija mill-fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.