Id-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo rrikorra għall-gideb sabiex jaħrab minn mistoqsijiet b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet li għamel intiżi biex joħolqu dwejjaq u jxejnu l-ħidma tal-Gvern sabiex jiġġieled l-għoli tal-ħajja.
Dan propju jum qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ta’ stabbiltà f’450 prodott fi ħmistax il-kategorija ta’ ikel.
Barra l-Parlament, ONE News staqsa lil Ivan J. Bartolo tas-6pm meta qal li l-Gvern ma kellux jagħmel pressjoni sabiex jorħsu l-prezzijiet f’numru ta’ prodotti quddiem l-isfida tal-inflazzjoni.
Iżda meta għamilna dan Bartolo qal li qatt ma qal hekk.
Ġurnalist: “Għadek temmen li l-Gvern ma kellux jagħmel il-pressjoni fuq is-Supermarket?”
Ivan J. Bartolo: “Le jiena qatt ma għid xejn.”
Quddiem din il-gidba, il-crew ta’ One News barra l-Parlament baqa’ jistenna lid-Deputat Nazzjonalista barra l-Parlament.
Mal-mument li ħareġ, il-ġurnalist kwotalu kelma b’kelma dak li kien qal hu stess.
Madankollu Bartolo baqa’ jmeri s-sewwa magħruf.
Ġurnalist: “Onorevoli mill-ġdid staqsejtek jekk għamilt pressjoni fuq is-supermarkets u int għidt hekk ara “Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet.” Għadek iżżomm l-istess pożizzjoni.”
Ivan J. Bartolo: “Għandek żball assolut.”
Hekk kif Bartolo baqa’ jsostni li l-ġurnalist għandu żball, dan hu dak li kien qal hu waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista fis-26 ta’ Novembru li għadda.
“Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet.”
Dakinhar Ivan J. Bartolo tas-6pm minkejja li jsostni bil-kontra, ħareġ b’din id-dikjarazzjoni biex ikompli jrewwaħ il-politika ta’ dwejjaq li jmexxi l-Partit Nazzjonalista fuq temi importanti f’pajjiżna.
Madankollu filwaqt li dakinhar qata’ qalb il-poplu b’diskorsu, jum qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ta’ stabbiltà f’pajjiżna wara li l-Gvern flimkien mal-importaturi u s-supermarkets waslu għal ftehim importanti, l-istess Deputat Nazzjonalista ma kellu xejn xi jgħid ħlief jigdeb u jlebbet il-bogħod mill-midja mingħajr ma jwieġeb il-mistoqsijiet.