Ħareġ it-trailer uffiċjali tal-blockbuster ‘Gladiator II’, li sar u nħadem f’pajjiżna.
Dan it-trailer juri xeni li joħdok lura eluf ta’ snin, b’battalja fuq l-ilma fil-Kolossew u ġlieda kontra rhino.
L-attur Irlandiz Paul Mescal se jkollu l-parti ta’ Lucius, fejn jidher jiġġieled għal ħajtu bħala gladjatur.
F’Jannar li għadda, is-sett minfejn inħadem dan film f’pajjiżna, kien miftuħ għall-pubbliku waqt ‘open day’. Dakinhar attendew aktar minn 33,000 persuna.
Dan it-tieni film ta’ Gladiator mistenni joħroġ f’Novembru li ġej.
B’rabta ma’ dan it-trailer, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li dan il-film hu riżultat ta’ tliet snin ta’ laqgħat u ħidma kbira. Intqal li f’dan il-film ħadmu 720 crew Malti u aktar minn 1,300 extra.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo sostna li kull xena li tidher f’dan it-trailer inġibdet f’pajjiżna, f’settijiet mibnija fil-Malta Film Studios u f’postijiet oħra madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Bartolo sostna li fi ftit tal-jiem oħra se jibda l-ġbid ta’ blockbuster ieħor f’pajjiżna.
Temm jgħid li l-Gvern kommess li jkompli jaħdem sabiex jattira iżjed films lejn pajjiżna, waqt li jsaħħaħ l-investiment fl-industrija lokali biex tinħoloq eko-sistema li sseddaq din l-industrija għal iżjed suċċessi.