Il-kompetizzjoni ‘Trap’ iddominat l-edizzjoni tat-tazza tad-dinja li qed tittella’ fix-shooting range f’Ta’ Kandja fis-Siġġiewi, fejn ġew fi tmiemhom il-kwalifikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tan-Nisa bil-finali tittella’ t-Tlieta filgħaxija stess.
Fil-kompetizzjoni tan-nisa Malta kienet irrappreżentata mit-tiratriċi żagħżugħa Mikela Galea ta’ sbatax il-sena li minkejja li ma għamlitix għall-finali kisbet riżultati mill-aqwa.
It-Tlieta filgħodu bdiet ukoll il-kwalifikazzjoni tal-kategorija tat-trap tal-irġiel fejn it-tim Malti huwa ffurmat minn ħamest irġiel bit-tiratur Brian Galea jolqot ħamsa u għoxrin plattina minn ħamsa u għoxrin plattina u jibda din il-kompetizzjoni b’mod perfett.
Fost l-atleti fit-tim Malti hemm ukoll it-Tiratura magħrufa William Chetcuti u Mario Buhagiar li fl-ewwel rawnd laqtu tnejn u għoxrin plattina minn ħamsa u għoxrin plattina.
Din kienet l-ewwel kompetizzjoni tat-trap għat-tiratur William Chetcuti hekk kif kellu jeqleb id-dixxiplina minn ‘Double Trap’ għat-‘Trap’ dan hekk kif il-kompetizzjoni li kien jibrilla fiha twaqqfet mill-Kumitat Olimpiku minħabba l-ugwaljanza.
Il-Kwalifikazzjoni tal-irġiel tkompli l-Erbgħa filgħodu filwaqt lil finali ssir filgħaxija stess.
Il-Kowċ tat-tim Nazzjonali Malti James Galea ddeskriva t-tim Malti bħala wieħed b’esperjenza u anke żagħżugħ.
Intant, fil-kompetizzjoni tal-irġiel qed jieħdu sehem ukoll it-titraturi Nazzareno Attard u Gianluca Chetcuti, iżda l-unika tir tagħhom apparti l-plattina hu biss l-esperjenza u għalhekk mhux qed jikkompettu għall-unuri.