Il-ħsieb li naħsbu f’xulxin m’hemmx isbaħ minnu u dawn iċ-ċkejknin li qed iferħu bil-lingwa tas-sinjali jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għalina.
Inizjattiva bejn żewġ skejjel, ta’ De La Salle u Santa Monica tal-Gżira waslet biex it-tfal tgħallmu l-innu tal-Karnival bil-lingwa tas-sinjali.
F’dawn il-jiem tal-Karnival, fejn ma jistax jiġi ċċelebrat kif jixraq minħabba l-pandemija, dawn it-tfal xorta qasmu l-ferħ li jġib ir-renju tal-bluha.
L-Assistent Kap tal-Iskola tal-kulleġġ De La Salle qaltilna kif l-istudenti u l-għalliema kienu entużjasti fuq dan il-proġett li jnissel tbissima.
Qalet kif, “Kien hemm ħafna xogħol involut għaliex iż-żewġ interpreti li huma għalliema wkoll għamlulhom filmat qasir it-tfal ta’ kif għandhom jagħmlu s-sinjali u kienet xi ħaġa vera organizzata. Kellna ħafna għajnuna u koperazzjoni kemm mill-iskola u kemm mill-għalliema u anke mill-ġenituri. It-tfal dehru li ħadu gost u fl-aħħar għalaqna dan il-filmat qasir”
Bħala turija ta’ ringrazzjament, il-Kummissarju Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan, tat ktieb tal-lingwa tas-sinjali lit-tfal li ħadu sehem.
U m’għandniex xi ngħidu f’dan il-filmat spikkaw ukoll il-kostumi sbieħ u kkuluriti.