Il-Ġimgħa tħabbar kif il-Partit Laburista sar is-sid tal-propjetà ta’ taħt it-Teatru Rialto f’Bormla.
Propjetà li għal numru ta’ snin serviet bħala fergħa tal-Bank HSBC. B’hekk issa l-Partit Laburista huwa s-sid tal-binja kollha tat-Teatru Rialto.
Iżda għaliex dan it-teatru huwa tant għal qalb il-Maltin, speċjalment il-Bormliżi?
Lura fis-snin, ir-Rialto, li minn dejjem kien il-mekka tad-divertiment fi-qalba tal-inħawi, kien inqered mill-bumbardamenti tal-għadu Ġermaniż fuq pajjiżna, matul il-gwerra.
Kien f’Mejju tal-1956, meta t-Teatru Rialto kien reġa fetaħ il-bibien tiegħu għall-Bormliżi u dawk mill-inħawi kienu jżuruh biex jitpaxxew u jimirħu fid-dinja ċinematografika ta’ dak iż-żmien.
Dan kien l-ewwel film li kien intwera lill-pubbliku, bl-atturi prinċipali Ann Blythe u Edmund Purdom fil-film musical, “The Student Prince”.
Wara li r-Rialto waqaf jopera bħala ċinema, il-kumitat tal-Partit Laburista ta’ Bormla, taħt il-Presidenza ta’ Joe Paris, ried li jerġa’ jirxoxta il-post.
Ħasbu biex jixtruh imma żammew din l-idea sigrieta għax beżgħu. Il-post kien jiswa 50 elf lira maltin, u l-kumitat kull ma kellu, kien biss 4000 lira biss.
“Waħda mill-biżgħat li kellna, kienet kif se jaqbez fuqna il-Perit Dom Mintoff, però darba minnhom konna għandu, u qalilna hemm x’qed jiġri fuq ir-Rialto, u naturalment kellna ngħidulu. Kontra dak li konnha qed naħsbu, xi darba kellu f’moħħu li jixtrih għall-Partit; qalilna dan investiment tajjeb però tridu taħdmu u taħdmu bil-goff.”
Duminku Mintoff dakinhar ħareġ b’idea li l-kumitat qatt ma kien qed jistenna.
“F’daqqa waħda qalilna jiena lest li nagħtikom 25 elf però jekk ma taslux sad-data li qed niftiehmu, tridu ġġibuhom lura, u bl-imgħax. Ta’ Mintoff li kien, biex jagħtina inċentiv.”
Barra l-25,000 lira Maltin, Mintoff ta lil kumitat pantera biex ittellgħu bħala lotterija. Fil-fatt kienet daret f’ ħafna okkazzjonijiet tal-Partit Laburista biex jinġabru aktar flus. Minn hawn ‘il quddiem, ir-Rialto ġie f’idejn il-Kumitat tal-Partit Laburista ta’ Bormla.
Ġino Delceppo dak iż-żmien kien jagħmel parti miż-żgħażagħ Laburisti.
Bħala Bormliż spjegalna li qed jistenna b’ħerqa li tibda din il-paġna ġdida għar-Rialto.
“Ħa jgawdu barra l-Bormliżi, il-Maltin kollha, għax ir-Rialto kien qed jaqa’ biċċiet. Illum il-ġurnata, b’li se jsir naħseb li r-Rialto kulħadd ħa jgawdi minnu.”
Min naħa ta’ Joe Paris, li jħares lejn ir-Rialto b’ċertu nostalgija, wara dawn is-snin kollha qalilna li jiddispjaċih li tħalla mitluq.
“Xi ħaġa ta’ ġid għall-Bormliżi, żgur li se joħroġ minnu. Jiena ngħid li jekk jitmexxa sewwa, mhux biss għall-Bormliżi imma għall-Malta kollha partikolarment għan-naħa tas-South.”
AQRA AKTAR: