Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.
Din hija silta mit-talba li tingħad ħafna, it-talba tal-Missierna iżda bħalissa għaddejja diskussjoni dwar tibdil fil-kliem la ddaħħalniex fit-tiġrib. Kien propju l-Papa Franġisku li kompla jqanqal id-diskussjoni. Dwar dan tkellimna mat-teologu u Viċi Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta Fr. Hector Scerri li spjegalna kif l-argument tal-Papa jagħmel ħafna sens.
“Meta l-Papa jikkummenta dwar dan filfatt jgħid kif ġiet bit-Taljan; Non abbandonarci alla tentazione. Jiġifieri titlaqniex, tabbandunaniex meta nkunu ttentati. Issa Alla huwa Missier u l-ebda missier ma jixtieq jara lill-uliedu jitfixxklu, jaqgħu. Jiġifieri Alla mhux idaħħalna fit-tiġrib anzi jħarisna.”
Fl-intervista li saret fil-Kurja tal-Arċisqof, Fr. Hector Scerri spjegalna li t-tibdil tal-kliem fit-talba tal-Missierna diġà seħħ fl-iskrittura u anki f’pajjiżi bħall-Italja u Franza.
Staqsejnih jekk Malta hux lesta għal dan it-tibdil u hu qalilna “li għandu jsir u li nistħajjel li għandu jsir hawn Malta huwa li huma l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li naturalment jieħdu deċiżjoni dwar din il-ħaġa għax huwa kompitu tagħhom, huwa dover tagħhom li ħaġa bħal din bħal ma wara kollox fejn jidħlu l-kotba liturġiċi, il-kotba tal-quddiesa u sagramenti, dak jiddependu mill-Isqfijiet jiġifieri fejn tidħol l-approvazzjoni tagħhom.”
It-teologu li jartikola ħafna hu u jitkellem saħaq li l-Isqfijiet Maltin jaslu għad-deċiżjoni tagħhom wara għadd ta’ pariri mhux neċċessarjament biss minn teologi.
“Naturalment huma se jikkonsultaw ma’ xi esperti, esperti fil-Bibbja pereżempju. Xi teoloġi, nistħajjel jistgħu anki jikkonsultaw nies li huma anki esperti fil-Malti wkoll. Taf inti l-lingwa Maltija u jaslu għal deċiżjoni wara li jkunu semgħu dawn il-pariri li jkunu mogħtija lilhom.”
Ma setax jonqos li nsaqsuh il-mistoqsija ewlenija, liema kliem qed jiġi propost biex flok la ddaħħalniex fit-tiġrib jintqal kliem ieħor addattat.
“Possibilità jien nista’ nsemmi, possibilità; tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni pereżempju imma hemm modi oħrajn kif tista’ tingħad; ħarisna milli nitfixklu.”
Ma’ dan l-istazzjon Fr. Hector Scerri spjega li għalI-kuntrarju ta’ dak li jingħad minn bosta, il-Knisja tibqa’ taġġorna maż-żminijiet u tkun lesta tibdel biex tkun f’sintonija mal-lingwaġġ tal-lum. Hawn hekk ta’ eżempju ċar bħal meta nbidel il-kliem fil-kredu tal-Appostli fejn flok bqajna ngħidu Kristu niżel mil-limbu, illum ngħidu Kristu niżel mill-imwiet.