Dik l-art kalma li kien tagħtihom xi ftit tama minkejja l-faqar li kienu jgħixu fih inbidlet f’waħda mimlija inġenji, għajjat u nies iterrqu min-naħa għall-oħra, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu.
Din hija l-belt ta’ Durres, ftit passi ‘l bogħod mill-kapitali Albaniża ta’ Tirana.
Din il-belt u r-raħal ta’ Thumane kienu fost l-aktar li ntlaqtu mit-terremot b’qawwa ta’ sitta punt erbgħa fuq l-iskala rikter mas-sbiħ it-Tlieta li għadda.
Ma’ ONE NEWS, l-Arċisqof ta’ Tirana u Durres, il-Monsinjur Malti George Frendo li kien f’Tirana meta seħħ it-terremot, jirrakkonta l-esperjenza tat-tkexkix li għex meta kienu se jdoqqu l-erbgħa ta’ filgħodu.
“Jiena stess kont fis-sodda dak il-ħin, fl-erbgħa neqsin għaxra ta’ bil-lejl meta sar it-terremot imma ħej, tgħidx kif tkexkixt jiġifieri. Tletin sekonda li tarahom eternità f’dak iċ-ċaqliq, tal-biża’. M’ażżardajtx lanqas nonqos mis-sodda ngħidlek is-sew, tant kemm kont imkexkex.”
L-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jinsabu fl-aħħar fażijiet tagħhom fejn it-tama li jinstabu iżjed persuni ħajjin taħt it-tiġrif tal-bini issa kważi ntilfet għal kollox.
L-Isqof Malti li ilu tlettax-il sena b’ħidma pastorali fl-Albanija spjega kif in-numru tal-mejta qabeż il-ħamsin, bl-aħħar vittma tkun propju tfajla li żar ftit qabel marret għand il-Ħallieq.
“Fil-fatt wieħed u ħamsin żgur għaliex għadha kemm tħabbret il-mewt ta’ tfajla illi kumbinazzjoni rajtha lbieraħ l-isptar. Ilbieraħ mort inżur l-isptar dawn illi kienu f’sitwazzjoni iktar kritika. Hija sitwazzjoni verament tal-biki, ta’ ħasra meta tara mhux biss dawn il-mejtin imma wkoll l-oħrajn illi midrubin, hemm ħafna li huma fi sptarijiet.”
B’tonn miksur qalilna fuq it-telefon kif il-poplu Albaniż għaddej minn żmien diffiċli.
“Kliem ta’ faraġ ma ssibx hux. F’sitwazzjoni daqshekk iddisprata speċjalment meta jkunu tilfu xi qraba tagħhom bil-mewt.”
Spjega kif il-ħerba li ħalla t-terremot ħalla nies jorqdu barra u t-tħassib tiegħu hu li l-ksiħ tax-xitwa jinsab fuq l-għatba.
“Hemm ħafna ok marru joqogħdu għand qraba tagħhom fin-North tal-pajjiż illi ma ġiex milqut. Xi wħud ukoll il-Gvern offrielhom postijiet fejn jistgħu joqgħodu imma imbagħad għandna ħafna oħrajn illi qegħdin barra taħt it-tined.”
Monsinjur Frendo appella biex bħal m’għamel dejjem il-poplu Malti jiftaħ idejh u juri s-solidarjetà, speċjalment b’għajnuna finanzjarja.
“U naħseb illi l-aħjar ħaġa, l-aħjar triq hija illi li kieku permezz ta’ Caritas Malta, jagħtu donazzjonijiet jgħidulhom espressament għat-terremot tal-Albanija u imbagħad Caritas Malta tibgħat lil Caritas tagħna, ta’ Tirana.”