Il-Kardinal Kevin Farrell, il-Kardinal Pietro Parolin, u l-Arċisqof Edgar Peña Parra ssiġillaw il-bibien tal-appartament papali fil-Palazz Appostoliku, kif ukoll il-bieb tal-appartament ta’ Casa Santa Marta, fejn kien jgħix il-Papa Franġisku.
Ir-rit taċ-ċertifikazzjoni tal-mewt u t-tqegħid ta’ ġisem il-Papa fit-tebut sar it-Tnejn filgħaxija fid-8:00 fil-kappella ta’ Casa Santa Marta.
Matul ir-rit, inqrat id-dikjarazzjoni tal-mewt. L-att ġie vvalidat mill-Kardinal Farrell, li huwa l-Camerlengo, u ċ-ċerimonja damet kważi siegħa.
L-ewwel Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kardinali se ssir it-Tlieta filgħodu, fejn se tittieħed deċiżjoni dwar id-data tal-funeral tal-Papa Franġisku.