Mateo.
Iċ-ċkejken li twieled tliet ġimgħat ilu fis-sagħtejn neqsin għoxrin ta’ wara nofshinar fl-Isptar Mater Dei.
Iben Maria u Trayden, li wara ismu hemm storja ta’ niket, li teħodna lura għall-erbgħa ta’ Ġunju tal-elfejn u ħmistax, meta fis-siegħa u l-ħin magna tal-injam f’Fabbrika f’Ħal Luqa ħasdet il-ħajja ta’ Matthew Bartolo, żagħżugħ ta’ sbatax il-sena ċajtier li kien ibiegħ is-saħħa – dakhinar l-għarus ta’ Maria Micallef.
Dakinhar iddominaw il-bnadar mezzasta, Malta u Għawdex maħsuda, ġenituri tilfu lil binhom u Maria tilfet l-ewwel imħabba ta’ ħajjitha.
Iżda erba’ snin wara Maria ltaqgħet ma’ Trayden li bħal Matthew offrielha qalbu. Mal-għarus Maria fetħet qalbha u rrakuntat l-istorja ta’ dieqa li għaddiet minnha fl-elfejn u ħmistax.
Trayden fehem u flimkien iddiskutew li jekk xi darba jkollhom tifel isemmuh għal Matthew.
“Ħames snin ilu hu, kellu accident Matthew l-ewwel kienet naqra diffiċli sakemm terġa’ tibda l-ħajja normali imbagħad ilu xi sena flimkien jien u missier il-baby għadda dak iż-żmien u nqbad pregnant u ddeċidejna flimkien li jekk ikun tifel insemmuh għal Matthew.”
F’darha fil-Gudja, Maria, imdawra minn familtha qaltilna li sal-lum lil Matthew għadha ma tistax tneħħiħ minn quddiem għajnejha.
“Anke ċimiterju mmur normali anke nsemmih miegħu u ngħidlu l-istorja kollha ta’ Matthew u ma naqtgħux minn ħajti u sal-lum il-ġurnata mmur ċimiterju insemmuħ kważi kuljum.”
Ħames snin wara, l-effett tal-mewta traġika ta’ Matthew għadu jiġri wara Maria, hekk kif qaltilna li hija wisq protettiva fuq binha Mateo għax dejjem tibża’ li se jiġrilu xi ħaġa.
“Ħajja differenti, totalment differenti. Nibża ħafna ngħid jiġrilu xi ħaġa t-tifel jew hekk mill-esperjenza li għaddejt jiena tkun overprotected, il-ġenituri kollha huma hekk, imma meta tgħaddi mill-esprejenza tiġi t-tripplu naħseb.”
Mateo ġab ferħ biss fil-Familja ta’ Maria, b’ommha u missiera jsiru nanniet għall-ewwel darba.
Iżda ferħ akbar ġab mal-familja ta’ Matthew Bartolo, li jħossu li l-ispirtu ta’ binhom issa reġa’ twieled f’Mateo.
U hemmekk ħallejna lil Maria tħaddan magħha lil binha Mateo, iċ-ċkejken li f’ħajjitha ġabilha biss hena u tama ġdida.