Is-swar tal-Kottonera taw identità lin-nies tat-tliet ibliet li minnhom baqgħu magħrufa bħala n-nies tal-Kottonera.
Is-swar tal-Kottonera bdew jinbndew f’Awwissu tal-1670 u huma ddisinjati mill-arkitett Taljan Antonio Maurizio Valperga.
Kienu nbnew biex isaħħu l-fortifikazzjoni tal-Birgu, l-Isla u Bormla wara li fis-snin ta’ qabel kienu nbnew is-swar ta’ Santa Margerita, bl-intenzjoni li jipproteġu mal-40,000 ruħ li setgħu jirrisjedu għall-kenn tagħhom.
Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield, Kordinatur Eżekuttiv tal-Kumitat ghar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera qal li bhalissa għaddej xogħol ta’ tħejjija biex jibda r-restawr ta’ dawn is-swar, li huma mifruxa fuq seba’ kilometri.
Bedingfield stqarr: “Id-direttorat tar-restawr diġa beda b’ xi xogħolijiet ta’ restawr pero fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ swar. Jien infurrmat ukoll mid-direttorat tar-restawr illi fiż-żmien li ġejj mistenni jibda xi xogħol ta’ restawr fuq in-naħa ta’ swar magħrufa bħala ta’ San Gwann. Umbad wara San Pawl u anke l-inħawi ta’ Ħaz-Zabbar magħrufa bħala Notre Dam. Dawn qed nistmaw li għandhom jibdew għal aktar tard is-sena dieħla.”
Il-Kottonera bħalissa għaddejja minn perjodu ta’ riġenerazzjoni wara li l-Kabinett approva l-viżjoni ghal Kottonera kif mfassla fis-snin li għaddew.