Il-Gażżetta Kullħadd pubblikat kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ pubblikazzjoni Malta in Figures li tiġbor fiha statistika fuq kull aspett tal-ħajja f’pajjiżna. Is-suċċess ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin joħroġ ċar minn din il-pubblikazzjoni. Hawn se niffukaw fuq ħames figuri partikolari minn fost il-ħafna li ġew ippubblikati.
L-ewwel figura turi r-rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-aħħar 10 snin. Joħroġ ċar kif mill-2013 ’l hawn ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku kienet waħda mill-iktar mgħaġġla. Fil-fatt, l-ogħla tkabbir seħħ fl-2015 meta l-ġid nazzjonali kiber f’sena waħda b’10.8%. Dan ifisser li f’sena waħda l-ġid nazzjonali kiber b’aktar milli kien kiber fil-ħames snin talamministrazzjoni ta’ bejn l-2008 u l-2013. Fl-2018 il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna kiber bi kważi 7%, jew darbtejn u nofs ir-rata li biha kien kiber fl-2012.
It-tieni figura ġġib fix-xejn l-argument tal-Oppożizzjoni li l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tikber għax qed tikber ilpopolazzjoni. Din il-figura turi l-ġid nazzjonali kkalkulat ras għal ras u meta wieħed ineħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja. Filwaqt li fl2010 ras għal ras pajjiżna kien jipproduċi b’valur ta’ ftit aktar minn €20,000, fl-2018 dan laħaq il-valur ta’ €30,000. Dan ifisser li ras għal ras il-ġid nazzjonali żdied bin-nofs fi 8 snin biss. Din ir-rata ta’ tkabbir hija aktar mid-doppju ta’ dik osservata bejn l-2000 u l-2010.
It-tkabbir ekonomiku wassal għal bidla drammatika fil-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna. Dan joħroġ mit-tielet figura li slitna mill-pubblikazzjoni tal-NSO. Bejn l-2008 u l-2012 ma sar l-ebda progress fil-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna, tant li d-defiċit baqa’ jlaħħaq madwar €250 miljun. Defiċit ta’ €250 miljun f’sitt snin qaleb għal surplus ta’ kważi l-istess ammont. Filwaqt li bejn l-2008 u l-2012 il-Gvern akkumula defiċits totali ta’ biljun ewro, fis-snin ta’ wara l-Gvern akkumula surplus ta’ kważi terz ta’ biljun ewro. U dan minkejja żidiet qawwija fl-ispiża fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u proġetti kapitali, titjib fil-benefiċċji soċjali kif ukoll tnaqqis kontinwu tat-taxxi.
Is-snin li għaddew raw ukoll żvilupp pożittiv ieħor għall-familji f’pajjiżna. Fil-fatt, ir-rata tal-għoli talħajja naqset b’mod sostanzjali. L-aktar rata għolja f’dawn l-aħħar 10 snin kienet fl-2010 meta l-inflazzjoni kważi messet it-3%. B’kuntrast, fl-2014 u fl-2016 l-għoli tal-ħajja waqa’ ferm taħt il-1%. Filwaqt li matul l-amministrazzjoni preċedenti l-poter tal-akkwist kien tnaqqar b’10% minħabba l-għoli tal-ħajja, fl-aħħar snin dan tnaqqas b’anqas min-nofs. Dan kien jirrifletti deċiżjonijiet tal-Gvern bħar-roħs fil-kontijiet taddawl u l-ilma, flimkien mal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fuel.
L-aħħar figura li qed nippreżentaw mhix statistika fuq l-ekonomija, imma hija dwar l-emissjonijiet fl-arja. Din tindika kif minn total ta’ emissjonijiet ta’ kważi 3,200 kilo tunnellati fl-2012, pajjiżna llum għandu emissjonijiet li jlaħħqu anqas minn 2,200 kilo tunnellati. Dan ifisser li f’sitt snin meta l-ekonomija kważi rduppjat, pajjiżna xorta rnexxielu jnaqqas it-tniġġis tal-arja b’terz. Ir-raġuni ewlenija għal dan it-tnaqqis kienu r-riformi fil-kamp tal-enerġija, li minbarra li xprunaw l-ekonomija u tejbu l-poter tal-akkwist tal-familji, wasslu wkoll għal kwalità ta’ arja aħjar.