Mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej, l-għadd tal-voti mhux se jibqa’ jsir bl-idejn, iżda l-poloz tal-voti se jibdew jingħaddu b’mod elettroniku u awtomatiku.
Dan tħabbar mill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali, Joseph Church f’konferenza tal-aħbarijiet miċ-ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Din is-sistema mistennija tkun aktar affidabbli mis-sistema l-antika hekk kif il-voti se jingħaddu mingħajr żbalji, b’mod aktar effiċjenti, trasparenti u ferm aktar veloċi minn qatt qabel.
Din is-sistema l-ġdida, li diġà hija armata, se tkun ibbażata fuq l-istruttura eżistenti tas-sala tal-għadd tal-voti. B’kollox se jkun hemm tlettax-il mejda, waħda għal kull distrett b’kull mejda għandha fuqha żewġ scanners u għadd ta’ screens li juru l-aħħar informazzjoni dwar il-proċess tal-għadd tal-voti.
Is-Sur Church spjega li issa l-voti mhux se jibqgħu jitqassmu f’pakketti ta’ 50, għax kull m’hemm bżonn li jsir hu li jiddaħħlu l-voti wiċċhom ’l-isfel fl-iscanner.
Minn hawnekk, b’mod awtomatiku, l-iscanner jagħraf in-numri li jkun hemm miktuba ħdejn isem il-kandidati filwaqt li jibda jgħodd kif jintirtu l-voti.
Kull vot li s-sistema tqis bħala dubjuż għax ma jkollux in-numri miktuba kif suppost jew għax tħassar mill-votant, se jgħaddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni Elettorali u tad-delegati tal-partiti politiċi li għandhom l-aħħar kelma:
“L-ewwel isir l-adjudication, jiġifieri fejn għandek id-dubjużi se jiġu mnaddfa mis-sistema, u l-kumplament tal-voti l-oħra li jkunu għaddew mill-adjudication jitilgħu fuq l-iscreens li hemm quddiem il-perspex ezatt”.
Is-sehem tal-partiti politiċi mhux se jkun eskluż minn din is-sistema l-ġdida. Bħalma ġara fl-elezzjonijiet preċedenti l-voti kollha dubjużi se jkollhom bżonn jiġu analliżżati mir-rappreżentanti tal-Partiti.
Fejn qabel il-proċess tal-għadd kien jieħu l-ġranet, issa dan mistenni jkun konkluż għalkollox f’seba’ sigħat.
Waqt prova li saret mill-Kummissjoni Elettorali, is-sistema l-ġdida kienet kapaċi tgħodd il-voti kollha tal-elezzoni ġenerali tal-2013 f’madwar seba’ sigħat. Madankollu qabel jiġi ppubblikat ir-riżultat aħħari trid titlesta l-aġġudikazzjoni tal-voti dubjużi kollha mill-partiti.
Għall-ewwel darba wkoll il-poloz tal-vot se jinkludu fihom ritratt ta’ kull kandidat. Il-kummissjoni elettorali biddlet ukoll il-kaxxi tal-voti kollha. Il-kaxxi l-ġodda huma aktar trasparenti u tal-plastik madankollu se jiġu ssiġillati bl-istess mod li kien isir qabel.