Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ħabbar seba’ deċiżjonijiet marbuta mal-iskejjel, istituzzjonijiet edukattivi u eżamijiet, minħabba l-imxija tal-coronavirus f’pajjiżna.
Wara li l-Gvern kien diġà ħabbar li l-iskejjel kellhom jibqgħu magħluqin sas-17 t’April, illum tħabbar li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha se jibqgħu magħluqin sal-aħħar ta’ Ġunju, jiġifieri sa tmiem is-sena skolastika li qegħdin fiha.
- L-iskejjel se jibqgħu magħluqin sal-aħħar ta’ Ġunju
B’mod awtomatiku, kull min qiegħed fir-raba’ sena tal-primarja se jitla’ għall-5 sena, u kull min qiegħed fil-ħames sena se jitla’ għas-6 sena, fl-istess klassi li qiegħed.
- Kull min qiegħed year 4 se jitla’ year 5 kull min qiegħed year 5 se jitla’ year 6
Fil-każ tal-istudenti kollha tas-sitt sena tal-primarja, se tittieħed il-marka tal-assessment, li jfisser li l-eżamijiet tal-benchmark mhux se jsiru.
- L-eżamijiet tal-benchmark tal-year 6 mhux se jsiru
Il-Ministru Bonnici spjega: “Qiegħed nibgħat messaġġ lill-ġenituri li kienu qed jinkwetaw dwar uliedhom, bdew jistaqsu imma x’ħa jiġri mill-benchmarks. Aħna qed ngħidu li se tittieħed il-marka tal-assessment li hija xi ħaġa li qabel ma ġara dan kollu kien hemm diskussjoni jekk għandux jingħata iktar piż l-assessment, però ddeċidejna u qbilna li jkun iktar ġust li tittieħed il-marka tal-assessment.”
Fil-każ tal-istudenti li qegħdin Year 7, Year 8, Year 9 u Year 10, dawn se jitilgħu fis-sena li jmiss.
- L-istudenti tal-Year 7, Year 8, Year 9 u Year 10 se jitilgħu fis-sena li jmiss.
Fejn jidħlu l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC, il-Ministru Owen Bonnici qal li hawnhekk ittieħdu deċiżjonijiet favur l-istudent fl-istess waqt li huma ġusti.
Kull student li kien se jagħmel l-O-Levels, se jingħata l-opportunità li, jekk irid, joqgħod għall-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru.
Dan hekk kif l-O-Levels mhux se jsiru fis-sessjoni li tibda fit-tlieta u għoxrin ta’ April. Minflok se jsir assessjar mill-MATSEC ibbażat fuq il-marki tal-eżamijiet tal-mock li saru fi Frar billi fost oħrajn tara l-marki tal-istudenti u l-karti tal-eżamijiet ikkoreġuti.
- O-levels mhux se jsiru iżda se jkunu bbażati fuq il-marki tal-mocks li saru fi Frar
Kull student għandu ċ-ċans jagħmel l-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Il-MATSEC board lill-istudent se jagħtih ċertifikat ta’ O-Level jekk laħaqx livell tnejn jew inkella livell tlieta u b’hekk l-istudenti jkollhom l-opportunità li jkomplu għaddejjin u jimxu ’l quddiem fl-iskejjel post-sekondarji.”
L-eżamijiet tal-Intermediate u l-A-Levels ukoll mhux se jsiru fis-sessjoni li tibda fit-23 t’April, u se tiġi posposta għal Settembru ta’ din is-sena.
L-istudenti se jirċievu t-timetable bid-dettalji u l-ħinijiet kollha.
Id-dritt għar-re-sit jibqa’ hemm u s-sessjonijiet se jsiru f’Diċembru.
- l-A-levels se jsiru f’Settembru
L-istudenti se jirċievu t-timetable u d-dettalji kollha.
Il-Ministru Bonnici kompla jispjega: “Student tal-A-Level se jkollu dritt ta’ re-sit f’Diċembru però dan mhux biżżejjed għaliex jekk inti student li għamilt re-sit f’Diċembru se jkun hemm id-domanda jekk is-sena tibdiex f’Ottubru, x’ħa nagħmel jien ħa nitlef sena. Ir-risposta hija le għax ħadna l-provedimenti kollha biex l-istudenti xorta waħda jingħataw l-opportunità li jibdew l-Università, l-MCAST jew kwalunkwe istituzzjoni li jidhrilhom fis-sena akkademika li jmiss.”
Is-seba’ deċiżjoni li ttieħdet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni hija dwar studenti li għaddejjin bl-istudju tagħhom fl-Università u fl-MCAST fost l-oħrajn biex hawn isiru l-arranġamenti meħtieġa ħalli jissoktaw bl-istudji tagħhom f’dawn l-istituzzjonijiet.
- Arranġamenti biex studenti tal-Università u l-MCAST ikomplu bl-istudji tagħhom
It-tagħlim onlajn se jibqa’ għaddej u t-tfal huma mħeġġa biex jissoktaw bit-tagħlim tagħhom.
Dwar Skolasajf, il-Ministru Bonnici qal li l-pjanijiet huma li tiftaħ f’Lulju tant li ħarġu l-applikazzjonijiet din il-ġimgħa stess.
Qal li se jkun qed javża jekk ikun hemm xi żviluppi.
Intant, il-Forum Żgħażagħ Laburisti laqa’ d-deċiżjonijiet imħabbra mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u appella lill-istudenti biex jibqgħu jsegwu t-tagħlim li qed jingħata onlajn filwaqt li jibqgħu ġewwa u jieħdu ħsieb saħħithom u saħħet il-familja tagħhom.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/03/28/l-a-levels-se-jsiru-fsettembru-u-l-o-levels-se-jkunu-bbazati-fuq-il-marki-tal-mocks-li-saru-fi-frar/
https://www.one.com.mt/2020/03/28/l-iskejjel-se-jibqghu-maghluqa-sal-ahhar-ta-gunju-u-l-ezamijiet-tal-benchmark-mhux-se-jsiru/