Sa minn età żgħira, Justin Bonnici kien iħobb jesperimenta bit-tpinġija, iżda fl-aħħar ħames snin beda jaħdem fuq il-ħajt u jispeċjalizza bħala artist tat-triq, bix-xogħlijiet ewlenin tiegħu jinsabu fil-Fgura.
L-aħħar xogħol tiegħu huwa propju pittura kbira fuq il-ħajt li tindirizza t-tema tal-ibbuljar fuq it-tfal. Biswit il-pittura ħdejn l-iskola primarja tal-Fgura, Justin, li għandu sitta u għoxrin sena qalilna li kultant, stampa tesprimi dak li mhux kapaċi jintqal bil-fomm.
“Kultant in-nies ma tantx jisimgħu bil-kliem, kulħadd jaf jaqra u jikteb u jikkumenta imma ħadd ma jagħmel azzjoni. Allura din xi ħaġa li se tkun fl-għajnejn, u kull darba jridu jarawha iridu jew ma jridux. Il-post ovvjament addatat quddiem skola ghax jgħaddu spiss ġenituri u tfal”.
Il-pittura turi tifel fis-solitudni, bl-unika ħlejqa li lest joffri s-sapport ikun kelb:
“Assoċjajthom flimkien għax it-tnejn għadhom żgħar u l-umani mhux qed jagħtu kas it-tifel. Normalment l-umani jgħidu miskin, jaħasra u hekk imma xejn m’hu xejn. Imma l-annimal, il-kelb jibqa’ jibqa’ sakemm jara x’għandek”.
Justin sostna wkoll li l-kliem miktub fuq il-pittura huwa messaġġ dirett lejn dawk it-tfal li sfortunatament, qegħdin isofru minn xi tip ta’ bullying:
“Niġbed l-għajn tat-tfal din id-darba. Fuqhom ktibt il-kliem biex iħarsu lejhom huma u jaqrawha. Għamiltha iżjed faċli u diretta. Kieku jien ma ktibt xejn, hemm ħafna iktar xi tfisser. Imma ridt nuri għalxiex għamiltha”.
Fi kliem Justin, il-messaġġ li jixtieq jgħaddi qiegħed ukoll fil-kuluri użati fit-tpinġija, hekk kif dawn ma ntagħżlux bl-addoċċ:
“Ispirat ħafna min-natura li dejjem nipprova nuża l-earth colours għax narahom iserrħuli ħafna għajnejja. Ma tantx jien fuq il-bright colours. Apparti min hekk, peress li naqra nieqes min-natura l-post, pruvajt inżomm il-kuluri bbażati fuq hekk. Il-kulur l-abjad qiegħed biex jaqla’ l-karattri l-barra biex jiena ma nitlifhomx”.
It-tpinġija hija wkoll tifkira lejn dawk kollha li xi darba jew oħra, sfaw vittmi ta’ dan it-tip ta’ abbuż. Skont Justin, dan huwa frott li l-bniedem qed jinsa dak li hu essenzjali għalih:
“Sirt nara li l-umani iktar moħħhom fil-materjal, u iktar qedgħin jitfgħu fil-ġenb il-ħajja ta’ ħaddieħor l-aqwa li nidhru all right u hawn ħafna poter fl-ego u hekk u qedgħin ninsew l-affarjiet importanti”.