Ftit aktar minn xahar qabel jibdew il-festi kkuluriti tal-Karnival, ONE News żar il-maħżen tal-kumpanija tal-Karnival tal-Landa. Hemmhekk sibna bosta nies jaħdmu fuq il-karru tar-Re tal-Karnival.
Ix-xogħol miexi ġmielu hekk kif ilhom għaddejjin jaħdmu sa minn Awwissu, ix-xahar fejn ix-xemx tkun taqli l-ankri iżda fil-maħżen tal-Landa jibda l-ħolm għall-Karnival li jmiss. Dominic Mangion, li ilu jaħdem fuq il-karrijiet għal snin twal u għandu ħila kbira fuq il-movimenti tal-karrijiet qalilna kif mhix ċajta li karru ta’ ‘l fuq minn erbgħin pied jiċċaqlaq u jagħti gost lin-nies.
Ġewwa l-maħżen stajna nindunaw kif ir-Re tal-Karnival ta’ din is-sena huwa marbut mat-tema tal-isport. U spikkaw in-nies jaħdmu b’dedikazzjoni, min jiksi bil-gazzetti u min jarma.
Bil-palletta tat-tennis f’idu, ir-Re tal-Karnival beda jieħu l-kulur u ma setax jonqos li Clyde Axisa li flimkien ma’ ħuh wiret din il-passjoni għall-Karnival minn missieru qalilna kif din hija t-tlieta u għoxrin sena konsekuttiva li ġew kkummisjonati li jagħmlu l-karru tar-Re tal-Karnival.
Bla dubju għal din is-sena r-Re tal-Karnival se jkun qed jgħidilna; “Fi spettaklu sportiv żammejt ruħi attiv.”