Investiment ta’ miljun ewro f’wieħed mit-teatri tal-operazzjonijiet tal-kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, magħruf bħala l-Cath Suite, se jissarraf f’tama ġdida lill-pazjenti b’mard f’qalbhom.
Dan hekk kif f’teatru mgħammar b’apparat bl-aħħar teknoloġija li kull sena jgħaddu minnu madwar tlett elef pazjent, il-kirurgi se jkunu jistgħu jagħmlu interventi b’aktar preċiżjoni mingħajr il-bżonn ta’ operazzjonijiet maġġuri, iżda b’apparat żgħir li ħafna drabi jiddaħħal mill-koxxa tal-pazjent.
Iċ-Ċermen tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija, Dr. Robert Xuereb, spjega li l-pazjenti li se jibbenefikaw l-aktar minn dan l-investiment huma dawk bi problemi fl-arterji jew fil-valve:
“Ċertu proċeduri bħal meta jkollok l-arterja prinċipali dejqa u qabel konna nibagħtuhom għand il-kirurgu u jekk jgħidilna li l-pazjent ma jiflaħx għal operazzjoni, ma jkun hemm xejn iżjed x’jista’ jsir, bis-saħħa ta’ din l-upgrade nistgħu nużaw ċertu apparat u teknoloġija li jippermetti li nagħmlu l-proċedura tal-molla f’dawn l-arterji”.
Ir-radjazzjoni waqt interventi fuq il-qalb hija l-ikbar inkwiet għat-tobba u l-pazjent, hekk kif tista’ tikkawża ħruq fuq il-ġilda jew mard bħall-kanċer fil-futur tal-ħajja tal-pazjent.
Bl-apparat il-ġdid ir-radjazzjoni se tonqos b’60%:
“Dan jippermetti li ċertu proċeduri twal li qabel qas konna noħolmu li nagħmluhom, issa nistgħu nagħmluhom għall-benefiċċju għall-pazjent kif ukoll għat-tim tagħna l-istaff li qed jaħdmu kuljum preċett f’dan it-teatru”.
Dr. Xuereb spjega li fejn qabel kienu jaraw l-arterja u jassumu, bl-apparat il-ġdid se jaraw stampa iżjed ċara u dettaljata.
Kamera żgħira li tidħol f’arterja ta’ żewġ millimetri se toffri l-element ta’ ċertezza:
“Bis-saħħa ta’ dan nistgħu ngħidu li nistgħu nagħmlu b’ċertu preċiżjoni l-molla x’daqs għandha bżonn, kemm hi twila, jekk ġietx minfuħa kif suppost u jekk ir-riżultat huwhiex irfinat kif nixtiequh”.
Dan l-investiment, li l-fondi għalih ingħataw mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali bi flus ġejjin mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, ġie inawgurat fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Prim Minsitru Chris Fearne.
Il-Prim Ministru nnota n-nefqa rekord tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa u qal li dan l-investiment se jkompli jsir biex jissarraf fost l-oħrajn f’apparat ġdid u f’pagi aħjar lill-professjonisti.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-suċċess fis-settur huwa xprunat minn tliet fatturi ewlenin; il-professjonisti, Gvern li jagħraf il-ħtieġa li jinvesti, u l-qabża fit-teknoloġija.
David Curmi, iċ-Chairman tal-NDSF, spjega kif “wara studju li sar, wara cost benefit analysis li sar, kemm l-Isptar kif ukoll it-tim ta’ Dr. Xuereb, il-Bord tal-Fond ħass li għandu jmexxi fuq dan il-proġett”.
Biex issa waqt dawk li jissejħu “Heart Team Meetings” li jsiru bejn il-professjonisti kull nhar ta’ Tlieta, minflok jingħad li ċertu pazjenti ma jifilħux għall-operazzjoni u s-soluzzjoni tkun biss il-mediċina, jingħataw tama ġdida.
“Fejn qabel konna ngħidu m’hemmx x’tagħmel, s’hawn nistgħu naslu, issa dawn il-pazjenti għandna mod ieħor kif nistgħu ngħinuhom biex ikunu iktar komdi, ma jkollhomx qtugħ ta’ nifs u uġigħ, u biex intawlulhom ħajjithom”, temm jgħid Robert Xuereb.