Qed jiġi rijabilitat Wied Liemu, li jinsab fil-limiti tar-Rabat, u li jifforma parti minn fost l-ikbar ilqugħ tal-ilma f’Malta, bl-ilma tax-xita fih jgħaddi minn Ħad-Dingli u jispiċċa s-Salini. Ix-xogħlijiet se jsiru b’investiment ta’ €386,000 b’ko-finanzjament mill-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali.
Il-proġett f’Wied Liemu jinkludi r-restawr ta’ kanal tal-ilma ta’ żmien il-Kavallieri, ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll ir-restawr ta’ pont eżistenti u l-bini mill-ġdid ta’ żewġ pontijiet tal-ġebel biex jagħtu aċċess lill-bdiewa għall-għelieqi tagħhom. Matul is-sajf, Parks Malta bdiet għaddejja b’xogħol ta’ tindif ta’ dan il-wied minn skart u materjal li akkumula matul is-snin. B’dan il-mod jiġu evitati każijiet ta’ għargħar li jispiċċa jħalli impatt fuq il-mogħdijiet u l-għelieqi tal-madwar, li jwassal għal telf ta’ ħamrija u ta’ prodotti agrikoli.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett ta’ rijabilitazzjoni qed iwassal għall-ħarsien tal-wirt naturali. Il-Ministru Dalli qalet ukoll li jeħtieġ nippreservaw aktar il-widien bi flora u fawna endemiċi u sostnet li b’dan il-proġett se jkun qed jitħares il-wirt naturali ta’ pajjiżna.
“Qed naraw li nkunu qed nirriġeneraw Wied Liemu. Dan huwa wied, li jagħad mal-Mosta, anke ma’ Burmarrad u jkompli nieżel sas-Salini. Grazzi għall-ħidma ta’ Parks Malta, huwa importanti li nagħmlu dawn ix-xogħlijiet fuq il-widien għaliex permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet qed naraw li nirrestawraw dawn il-widien, filwaqt li fl-istess ħin insaħħu l-qlugħ għall-ilma tax-xita u nagħtu aċċess akbar lill-bdiewa li hawn fl-inħawi.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej, Chris Bonett spjega li permezz ta’ fondi Ewropej, Parks Malta diġà nvestiet ‘il fuq minn €1.9 miljun biex saru xogħlijiet f’ żewġ widien oħra, fosthom Wied Santa Katarina u Wied Fiddien, filwaqt li hemm ippjanati żewġ proġetti oħra ta’ ’l fuq minn €1.5 miljun.