Professjonisti li l-Ħadd filgħodu kienu qed imexxu kampanja fid-daħla tal-Isptar Mater Dei biex iżidu l-għarfien dwar il-mard tal-qalb, it-tobba u kirurgi preżenti ħallew dak li kienu qed jagħmlu biex wettqu intervent urġenti fuq raġel li kien għadu kif sofra attakk tal-qalb.
“Iċemplulna minn Għawdex li kien hemm pazjent li qabdu uġieħ kbir ġo sidru u mar l-emerġenza tal-isptar ta’ Għawdex fejn għamlulu l-ECG u hemmhekk indunaw kellu attakk tal-qalb maġġura. Allura ċemplulna u għidnilhom aqbdu u ġibuh mal-ewwel u hekk għamlu, ġabuh akkumpanjat mat-tobba fuq helicopter. Baqa’ ġej dritt għall-ġol cath suite fejn qegħdin bħalissa u hemmhekk tħalna minn ġol-polz u ċċekjajna l-arterja u sibna liem hi l-arterja li kienet misduda u ftaħnielu dik l-arterja.”
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija Dr Robert Xuereb spjega kif wara l-intervent li dam madwar tliet kwarti u li salvalu ħajtu, ir-raġel marlu l-uġieħ kollu li kien qed iħoss.
Il-kawża primarja f’każijiet bħal dawn tkun l-istil ta’ ħajja ħażin li bniedem jgħix, li twassal biex jidjiequ l-arterji tal-qalb.
“L-arterji jidjiequ, jkun hemm xaħam jiżviluppa fihom minħabba s-sigaretti, iz-zokkor, il-pressjoni, il-kollesterol, il-piż, l-eżerċiżżju imbgħad jidħlu wkoll fatturi ġenetiċi.”
Il-konsulent fil-kardjoloġija spjega li f’każijiet bħal dawn kull minuta tgħodd, u ħeġġeġ lil dawk li jissuspettaw li għandhom xi problema f’qalbhom biex jagħmlu test tal-ECG.
“Jekk ma niftħux l-arterja f’ħin tajjeb, hemmhekk ikun hemm ferita fil-qalb u dik il-ferita ‘l quddiem tirriżulta f’heart failure, qalb għajjiena – bis-sintomi kollha tagħha u bil-pronjosi li jġib miegħu qalb għajjiena.”
Fl-isfond li l-mard tal-qalb jikkawża l-ikbar ammont ta’ mwiet f’Malta, Dr Xuereb appella biex wieħed jevita t-tipjip u l-ikel żejjed, u jagħmel iktar eżerċiżżju fiżiku.
Messaġġ li tenna quddiem dawk li l-Ħadd marru l-isptar għall-open day organizzata mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.
Minbarra sessjonijiet t’għarfien, dawk li attendew kellhom wkoll iċ-ċans li jiċċekjaw il-livelli taz-zokkor u l-pressjoni.