Ġie mniedi dokumentarju sabiex jinġabru l-memorji importanti ta’ dan l-avveniment mil-lenti tan-nies li għexu dawk iż-żminijiet. Dan sar bl-għajnuna ta’ studenti mill-kulleġġ ta’ Santa Margerita f’Bormla li intervistaw diversi anzjani dwar il-ħajja tagħhom dak iż-żmien li tkellmu dwar it-tbatijiet li għaddew minnhom fil-ġimgħat u x-xhur li waslu għal wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija f’Malta.
L-istudenti esprimew is-sodisfazzjon tagħhom fix-xogħol li għamlu f’dan il-proġett li permezz tiegħu setgħu jifhmu aħjar dwar dan iż-żmien minn nies li għexu dan kollu kif ukoll saħqu li hija importanti li informazzjoni bħal din ma tintilifx u tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Infatti, il-fondazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar niedu dan il-proġett bl-għajnuna finanzjarja tal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex nifhmu iktar dak li ġara u naraw kif kienet il-ħajja ta’ kuljum f’dak iż-żmien.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li proġetti bħal dawn huma importanti għaliex jgħinu sabiex inkomplu nkabbru l-memorja ta’ pajjiżna li tgħinna sabiex inkunu f’pożizzjoni aħjar li naffaċċjaw l-isfidi tal-futur kif ukoll preżenta ċertifiati lill-istudenti li ħadmu f’dan il-proġett.