Infrastruttura Malta ħabbret li fix-xhur li ġejjin se tibda xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fuq l-erba’ mini ewlenin f’Malta b’investiment li huwa stmat li jlaħħaq l-għaxar miljun ewro. Ix-xogħol se jsir fuq il-mini f’Ta’ Giorni mibnija aktar minn ħamsin sena ilu, il-mini ta’ Ħal Kirkop u ta’ Santa Venera u l-iktar waħda riċenti f’Tal-Qroqq mibnija fl-1996.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit Robert Zerafa qal li studju li sar is-sena li għaddiet, ikkonkluda li l-mini huma siguri u m’hemmx ħsarat gravi. Madankollu qal li xorta jeħtieġu Il-proġett jinkdui t-tindif tal-ħitan tal-mini biex jitneħħa n-nugrufun li ilu jinġemgħa għal snin twal ix-xogħol se jissokta bi studju fuq il-mini f’Ta’ Giorni u ta’ Santa Venera li huma maqtugħin fil-blat, permezz ta’ radar li jinfed l-art fuq kull struttura biex jiġu identifikati nħawi taħt il-wiċċ li jistgħu jkunu jeħtieġu aktar tiswijiet.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-ħruġ ta’ emerġenza f’kull mina se jittejjeb u se jiġu mgħammra b’bibien tan-nar, sinjali tal-ħruġ f’emerġenza u dwal li jiggwidaw il-ħruġ. Qal li kull mina se jkollha wkoll fire hydrants u tagħmir ieħor kontra n-nirien biex titjib is-sigurtà. Il-ħitan tal-mini se jinksew b’materjal apposta biex itejjeb il-viżibilità u jiffaċilita tindif u manutenzjoni ta’ rutina. It-tmien daħliet tal-mini se jissebbħu billi ssir tiswija tax-xogħol fuq il-ġebel eżistenti u bl-introduzzjoni ta’ aspetti arkitettoniċi ġodda.
Il-passaġġi ta’ emerġenza fil-mini se jissewwew, filwaqt li l-uċuħ tal-karreġġjati tagħhom se jingħataw wiċċ ġdid ta’ asfalt. Il-Ministru Borg qal li x-xogħlijiet mistennija jibdew l-lejn l-aħħar tas-sena wara li jingħataw il-kuntratti. Żied li kull intervent li jkun jeħtieġ l-għeluq totali tal-mini se jsir matul il-lejl biex jitnaqqsu l-inkonvenjenti lis-sewwieqa.