B’investiment ta’ ħames mija u ħamest elef ewro ġiet inawgurata korsa ġdida ta’ livell internazzjonali tal-Karting f’Ħal Far. Din hija rikonoxxuta mill-FIA.
Din hija twila 937 metru, u fuqha sar xogħol ta’ tindif ta’ ħamrija, xogħlijiet infrastrutturali ta’ servizzi ta’ dawl u ilma u asfaltar.
Il-President tal-Island Club Malta Jason Mangion laqa’ b’sodisfazzjon dan l-investiment fuq din it-trakka fejn fiha se jsiru tlielaq aktar sikuri, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kategorji bħal KZ li qabel qatt ma kien hawn faċilitajiet adekwati għalihom. Se jsiru ukoll kompetizzjonijiet tal-mini moto u tal-motards, filwaqt li t-trakka se tintuża minn studenti Universitarji għal testing bħala parti mill-esperjenza tagħhom.
Huwa stqarr: “It-trakka hija importanti ħafna għax mingħajra ma stajniex nipprattikaw l-isport li aħna tant inħobbu f’post sigur.”
Waqt din l-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li il-gvern huwa impenjat li jinvesti fil-komunità sportiva, hekk kif pajjiżna għandu diversi nies b’ħiliet sportivi u ddedikati.
Il-Ministru Borg sostna: “B’dan l-investiment qed nuru kif l-infrastruttura sportiva hija importanti. L-infrastruttura sportiva rriduha fl-ispazju sigur u speċjalment f’veloċità bħal din u naħseb li hemm użu kif jistgħu jintużaw għat-taħriġ b’mod aktar sigur.”